Monday, October 19, 2026
Home Sport L-esperjenza, il-metodi u l-istandards ta’ Inter ma jibqgħux limitati għall-Italja, iżda jaslu...

L-esperjenza, il-metodi u l-istandards ta’ Inter ma jibqgħux limitati għall-Italja, iżda jaslu għand tfal f’pajjiżi oħra u dak li qed nagħmlu bħala Inter Academy – Andrea Ranocchia

0
74

Minn Cristian Muscat

L-eks captain ta’ Inter u eks difensur tat-tim nazzjonali Taljan Andrea Ranocchia kien f’Malta għal żjara marbuta mal-Inter Academy Malta, fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ numru ta’ plejers żgħar u jaqsam magħhom l-esperjenza li kiseb tul karriera importanti fl-ogħla livelli tal-futbol Taljan u Ewropew.

Ranocchia, li llum għandu 38 sena, żar il-Marsa Sports Complex fejn iltaqa’ mat-tfal li qed jitħarrġu mal-Inter Academy Malta, inizjattiva li tnediet din is-sena u li qed toffri taħriġ lil tfal ta’ bejn il-ħames u l-14-il sena fuq il-prinċipji u l-metodoloġija tal-klabb Nerazzurro.

Għal Ranocchia din ma kinitx l-ewwel darba f’pajjiżna. Huwa fakkar li kien diġà żar Malta madwar 12-il sena ilu mat-tim nazzjonali Taljan, u għalhekk esprima s-sodisfazzjon tiegħu li reġa’ lura, din id-darba f’kuntest differenti u b’rabta diretta mal-iżvilupp tal-plejers żgħar.

“Ninsab kuntent ħafna li qiegħed hawn,” qal Ranocchia waqt iż-żjara tiegħu. Huwa tkellem dwar l-importanza li Inter tkompli twassal il-filosofija tagħha lil hinn mill-Italja permezz ta’ proġetti bħal dak tal-Inter Academy Malta.

“Bħala Inter nippruvaw inwasslu l-istandards tagħna anke barra mill-Italja. Din il-kollaborazzjoni hija importanti u nittamaw li tkompli tikber,” sostna l-eks difensur Taljan.

Iż-żjara ta’ Ranocchia kienet opportunità unika għat-tfal tal-akkademja, li setgħu mhux biss jaraw mill-qrib plejer li għal diversi snin lagħab fis-Serie A, iżda wkoll jitkellmu miegħu u jistaqsuh dwar l-esperjenzi tiegħu fil-futbol professjonali.

Ranocchia wieġeb għal diversi mistoqsijiet li għamillu dan is-sit filwaqt li ffirma numru ta’ flokkijiet u memorabilia u sab ukoll il-ħin biex jaqsam il-pitch mal-plejers żgħar.

L-eks captain ta’ Inter enfasizza l-importanza ta’ strutturi professjonali bħal dawn fl-iżvilupp tat-tfal. Għalih, akkademja tal-futbol m’għandhiex biss tgħin lit-tfal mil-lat tekniku iżda għandha wkoll tgħinhom jikbru permezz tal-valuri li joffri l-isport.

Ranocchia tkellem ukoll dwar id-differenza bejn il-ħajja ta’ plejer professjonali u dik ta’ persuna li tkun involuta fit-taħriġ.

“Filwaqt li bħala plejer l-attenzjoni tkun prinċipalment fuq il-wirja personali u dik tat-tim, fit-taħriġ trid titgħallem twassal l-esperjenza tiegħek lil ħaddieħor.”

Għalih, ix-xogħol mat-tfal huwa esperjenza partikolari għaliex jeħtieġ mod differenti kif tikkomunika u kif twassal il-messaġġ.

“Hemm differenza bejn li tkun plejer u li tkun kowċ, speċjalment meta tkun qed taħdem mat-tfal. Imma dak li tkun għext bħala plejer jibqa’ dejjem miegħek. Dawk l-esperjenzi jgħinuk ukoll meta tkun qed titgħallem u tikseb esperjenza fit-taħriġ,” spjega Ranocchia.

Ranocchia jibqa’ magħruf l-aktar għall-perjodu twil tiegħu ma’ Inter.

Wara l-bidu tal-karriera tiegħu ma’ Arezzo, huwa kompla ma’ Bari, fejn ħadem taħt il-kowċ Antonio Conte u fforma koppja difensiva ma’ Leonardo Bonucci. Eventwalment ingħaqad ma’ Genoa qabel beda l-avventura tiegħu ma’ Inter fl-2011.

Matul is-snin tiegħu man-Nerazzurri, Ranocchia lagħab mijiet ta’ partiti fil-kompetizzjonijiet kollha u kellu wkoll l-unur li jilbes il-faxxa ta’ captain tal-klabb.

Fost is-suċċessi tiegħu ma’ Inter hemm il-Coppa Italia u, fuq kollox, l-iScudetto tal-istaġun 2020/21 taħt Antonio Conte.

Għalkemm f’dik l-aħħar parti tal-karriera tiegħu ma kienx dejjem plejer regolari fl-ewwel ħdax, il-personalità u l-esperjenza tiegħu fil-grupp kienu meqjusa bħala elementi importanti ħafna.

Ranocchia kellu wkoll esperjenzi ma’ Sampdoria u fil-Premier League Ingliż ma’ Hull City, filwaqt li fl-aħħar fażi tal-karriera tiegħu ngħaqad ma’ Monza. Huwa rtira mill-futbol professjonali fl-2022.

Il-karriera tiegħu wasslitu wkoll biex jirrappreżenta lill-Italja.

Wara li lagħab mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, Ranocchia ddebutta mat-tim nazzjonali tal-kbar fl-2010 kontra r-Rumanija.

Huwa kien parti minn diversi skwadri ta’ Gli Azzurri u kien ikkunsidrat ukoll għall-Kampjonati Ewropej tal-2012 u għat-Tazza tad-Dinja tal-2014.

Matul il-karriera tiegħu, id-difensur kien magħruf għall-preżenza fiżika tiegħu, il-logħob fl-ajru u l-abbiltà li jaqra l-logħba, kwalitajiet li għenuh jilgħab fl-ogħla livell għal diversi snin.

Iż-żjara tiegħu kompliet turi wkoll ir-rabta li teżisti bejn Inter u l-partitarji Maltin tan-Nerazzurri.

F’Malta hemm komunità importanti ta’ partitarji ta’ Inter, b’żewġ klabbs lokali ddedikati lit-tim Taljan u eluf ta’ membri bejniethom.

Iżda fil-Marsa, il-protagonisti flimkien ma’ Ranocchia kienu t-tfal.

Għal dawk li qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fil-futbol, il-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ eks captain ta’ Inter, jistaqsuh dwar il-karriera tiegħu u saħansitra jaqsmu l-grawnd miegħu kienet esperjenza li żgur se jibqgħu jiftakru.

Min-naħa tiegħu, Ranocchia ħalla messaġġ ċar dwar l-għan ta’ proġetti bħal Inter Academy Malta.

“Bla dubju li l-esperjenza, il-metodi u l-istandards ta’ klabb professjonali bħal Inter ma jibqgħux limitati għall-Italja, iżda jaslu għand tfal f’pajjiżi oħra u dak li qed nagħmlu bħala Inter Academy.”

U għal Malta, din il-kollaborazzjoni qed tipprovdi opportunità oħra biex plejers żgħar jitħarrġu f’ambjent strutturat filwaqt li jersqu aktar qrib il-filosofija ta’ wieħed mill-klabbs storiċi tal-futbol Ewropew.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here