Waqt li ninsabu ftit jiem biss ’il bogħod mill-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena 2027, l-attenzjoni kollha qed tiffoka dejjem aktar fuq il-miżuri li se jinkludi l-Budget, imma fuq kollox, fuq l-impatt tanġibbli li l-istess miżuri baġitarji se jħallu fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u tan-negozji Maltin.
Hekk kif joqrob dan il-jum importanti, tikber ukoll l-istennija fost dawk li jħarsu lejn il-Budget bħala opportunità annwali mhux biss biex tkompli ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom, imma wkoll biex issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tagħhom ħalli jkunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom b’aktar serenità u serħan il-moħħ.
Bla dubju, l-aspettattiva, bħal kull sena, tkun li l-miżuri li jitħabbru se jkomplu jibnu fuq il-progress kollu miksub fix-xhur li għaddew u joffru opportunitajiet ġodda li jilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies u l-ekonomija Maltija.
Naturalment dan il-Budget qed jiġi ppreżentat f’ċirkostanzi ġeopolitiċi bla preċedent, fejn bosta pajjiżi Ewropej għadhom qed jissieltu biex jegħlbu l-isfidi tal-inflazzjoni, l-għoli tal-ħajja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils kif ukoll ħtiġijiet infrastrutturali oħra.
Min-naħa l-oħra, f’pajjiżna, għax il-gvern mexa b’għaqal u b’responsabbiltà, l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż qed ikomplu jissaħħu kontinwament filwaqt li baqgħet tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet u anki fil-qasam tal-impjiegi. F’dan il-kuntest, il-Budget 2027 se jkun opportunità importanti oħra biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għaż-żmien li ġej.
F’dan is-sens ukoll, ma nistgħux ma ninnutawx kif il-Partit Nazzjonalista, reġa’ għal darb’oħra ddeċieda li ma jippreżentax dokument komprensiv ta’ qabel il-Budget. Għalkemm il-PN m’għandux l-obbligu legali, għandu imma l-obbligu morali li jipproponi miżuri u jressaq dokument ta’ qabel il-Budget biex in-nies almenu jkunu jafu x’inhi l-politika ekonomika u fiskali li jrid imexxi ‘l quddiem.
Għax jekk le, allura x’inhu l-iskop tal-laqgħat li għamel ma’ diversi msieħba soċjali u ma’ setturi differenti tas-soċjetà Maltija. Allura kif qed jippreżenta ruħu bħala gvern alternattiv meta n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ dokument importanti bħal dan, itellef opportunità għal dibattitu nazzjonali aktar strutturat dwar l-alternattivi ekonomiċi u l-prijoritajiet finanzjarji għall-pajjiż.
F’demokrazija b’saħħitha, id-diskussjonijiet dwar proposti, miżuri ekonomiċi u fiskali u l-viżjonijiet li jitressqu ’l quddiem għandhom ikunu parti essenzjali mit-tħejjija għall-Budget li wara kollox, se jkun qed jaffettwa lill-faxex kollha tas-soċjetà tagħna.
