L-Ispeaker f’laqgħat dwar il-Governanza, il-Kostituzzjoni u l-Edukazzjoni

Aqra wkoll

It-Tnejn 19 t’Ottubru, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, iltaqa’ mal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, li matulha ġie ppreżentat ir-Rapport dwar il-Verifika ta’ Korpi maħtura mill-Gvern.

Dan ir-Rapport jiġbor fih analiżi estensiva tal-Korpi maħtura mill-Gvern fis-settur pubbliku, inkluż bordijiet, kumitati, kummissjonijiet, kunsilli, tribunali u entitajiet oħra. Din il-verifika kopriet 462 korp maħtur mill-Gvern, li fihom hemm inkluż 3,901 membru.

Il-verifika ffukat fuq il-konformità mal-Manwal għall-kategorizzazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-istruttura tar-remunerazzjoni għall-membri tal-Bordijiet u Kumitati maħtura mill-Gvern, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

Dan il-manwal għandu l-għan li jirregola r-remunerazzjoni tal-membri skont l-istruttura tal-korpi rispettivi, filwaqt li jipprovdi proċeduri għall-assessjar u l-approvazzjoni tat-talbiet relatati.

Ir-rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Kabinett u lill-Ministeri  rispettivi sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati u tissaħħaħ il-konformità tal-kriterji stabbiliti.

F’laqgħa separata, l-Ispeaker iltaqa’ ma’ Dr Robert Musumeci, fejn ippreżentalu kopja tal-ktieb il-ġdid tiegħu, ‘Understanding Malta’s Constitution’.

Il-ktieb jittratta l-iżvilupp tal-Kostituzzjoni ta’ Malta qabel u wara l-Indipendenza, b’referenza għas-simboli nazzjonali u l-prinċipji kostituzzjonali fundamentali. Il-ktieb jiffoka wkoll fuq ir-rwoli tal-Parlament, tal-Gvern u tal-Ġudikatura, kif ukoll dwar uffiċjali pubbliċi, kif ukoll il-qafas legali li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

F’laqgħa oħra li saret it-Tnejn wara nofsinhar, l-Ispeaker iltaqa’ mar-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Frank Bezzina, f’dik li kienet l-ewwel laqgħa formali bejn iż-żewġ naħat. Matul il-laqgħa, ir-Rettur ippreżenta ktieb lill-Ispeaker.

Id-diskussjoni ffukat fuq ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-Università ta’ Malta, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, kif ukoll l-iżvilupp ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-isfera akkademika u dik parlamentari.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport