Saturday, May 4, 2024

Birkirkara jsaħħu t-tielet pożizzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gudja United …..0

Birkirkara ………..1

Birkirkara kisbu rebħa meritata ta’ 1-0 kontra Gudja United biex qabżu waħedhom fit-tielet post fejn saħansitra għaddew ukoll lil Hamrun Spartans.

Bla dubju, il-Karkariżi kienu l-aħjar team matul id-90 minuta fejn dehru tattikament organizzati u dixxiplinati.

Min-naħa l-oħra,  meta wieħed iqis il-wirjiet tal-aħħar tliet partiti fejn kisbu punti massimi, wieħed stenna aħjar minn Gudja United li dehru kemmxejn traskurati f’diversi żoni tal-ground. 

Għall-kronaka, Birkirkara fetħu l-iskor fl-20 minuta permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ DIEGO VENANCIO li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Glenn Zammit, isalva.

Fit-38 minuta, il-coach ta’ Gudja, Thane Micallef, kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata meta  weġġa’ Tensior Gusman, biex minfloku daħal jilgħab il-Brażiljan, Marcelo Dias.

Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Gudjani kellhom ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Ahinga Selemani mill-viċin ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper żagħżugħ Amara Sylla, li salva goal ċert.

Kien biss fit-73 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima  b’Gudja jkunu huma li joħolqu l-periklu meta s-sostitut Marcelo Dias għadda tajjeb lejn Gabriel Mensah iżda Amara Sylla kien pront u ħareġ minn postu biex interċetta kull periklu.

Huma komplew jippressaw għall-goal tad-draw u żewġ minuti biss wara Gab­riel Mensah kellu xutt mid-distanza li reġa’ sab lil lill-goalkeeper Karkariż attent li salva tajjeb minn mal-art.

Gudja komplew jinsistu u erba’ minuti mit-tmiem reġgħu heddew meta  Mensah ikkontrolla tajjeb ix-xutt sabiħ minn pożizzjoni angolata li ġie mxellef f’corner minn difensur tal-Istripes.

Birkirkara komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita, b’Gudja jagħmlu minn kollox biex jippruvaw jinfiltraw lid-difiża avversarja iżda din kienet ferm kompatta u annullat għal kollox l-attakki tagħhom.

GUDJA U.: 1-Glenn Zammit, 5-Matias Muchardi, 9-Tensior Gusman (99-Marcelo Dias 38), 13-James Arthur, Gabriel Mensah, 19-Bienvenu Selemani Ahinga, 22-Hubert Vella (7-Aidan Jake Friggieri 82), 23-Neil Tabone, 25-Juan Ramires Bolanos, 81-Neil Micallef, 92-Nika Dzalamidze (10-Llye­welyn Cremona 76) – Coach: Thane Micallef

BIRKIRKARA: 12-Amara Sylla, 5-Enrico Pepe, 6-Yannick Yankam, 7-Luke Montebello (14-Johnson Nsumoh 81), 8-Claudio Bonanni, 21-Ryan Scicluna, 23-Bismark Ngissah (20-Federico Falcone 46), 25-Oscar Carniello, 27-Leandro Aguirre, 30-Kilian Bevis (11-Kurt Zammit 91), 77-Diego Venancio – Coach: André Paus

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Roberto Vella, Duncan Sultana

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORER: D. Venancio 20 (B)

AMMONITI: O. Carniello, E. Pepe (B)

Sport