Monday, May 13, 2024

BL-GĦOTI TAD-DEMM JIĠU SALVATI L-ĦAJJIET

Aqra wkoll

Huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu li l-poplu Malti huwa fost l-iktar popli ġenerużi
fid-dinja. Il-ġenerożità tal-Maltin tispikka l-aktar fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi sabiex jiġu megħjuna dawk l-aktar fil-bżonn mhux biss fis-soċjetà tagħna imma wkoll lil popli oħra lill hinn minn xtutna.

F’dan kollu, il-Maltin dejjem wieġbu bi ħġarhom. Is-solidarjetà tagħna tasal anki sa pajjiżi oħra li jkunu vittmi ta’ diżastri naturali. Mhux l-ewwel darba li ħaddiema tal-protezzjoni ċivili salpaw lejn pajjiżi oħra u b’kuraġġ taw l-għajnuna tagħhom anki f’waqtiet ta’ perikli għal ħajjithom.

Atti bħal dawn ukoll ipoġġu lil pajjiżna ma’ ta’ fuq f’dik li hija ġenerożità u solidarjetà. Fuq livell lokali, proprju ftit tal-ġimgħat oħra jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. L-iskop ta’ dan il-jum huwa li jkattar l-għarfien u ħtieġa tal-għoti tad-demm, kif ukoll għal xiex u meta jintuża d-demm tad-donaturi.

Hawn ukoll il-Maltin juru l-qalb ħanina tagħhom. Illum il-ġurnata, dawk li jagħtu d-demm jistgħu jagħmlu hekk bil-faċilità u l-kumdità kollha. Għax għalkemm id-demm normalment jingħata fiċ-ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa, hemm ukoll is-servizz tal-mobile unit ta’ dan iċ-ċentru li minn ġimgħa għalloħra jkun qiegħed idur f’diversi lokalitajiet biex jagħmilha aktar faċli għal persuni li jkunu jridu jagħtu d-demm.

Fil-fatt, il-mobile unit ilbieraħ kien stazzjonat quddiem il-Parlament għal kull min ried li jagħti d-demm. Din l-okkażjoni serviet ukoll biex, fuq inizjattiva bejn l-Uffiċċju tal-Ispeaker u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġabet flimkien deputati parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra biex jagħtu ddemm.

Din l-inizjattiva wriet ukoll li jista’ jkun hemm okkażjonijiet fejn jitwarrab l-għamad politiku partiġġjan u lil hinn mill-battibekki u kritika, il-partiti politiċi jistgħu jiġu flimkien f’attivitajiet ta’ ġenerożità u solidarjetà ma’ ħaddieħor.
L-għoti tad-demm huwa bżonjuż biex isalva l-ħajja tan-nies.

Il-mard serju u l-aċċidenti gravi mhumiex esklussivi għal xi sezzjoni jew oħra
tal-popolazzjoni. Jistgħu jiġu għand kulħadd anki mingħajr avviż jew fl-iktar mumenti mhux mistennija.

Għalhekk nenfasizzaw illi l-għoti tad-demm fih innifsu mhux biss huwa ġest nobbli għal min jagħmlu imma wkoll huwa ta’ ġid fiżiku u mentali għad-donatur stess billi jħossu aktar kuntent u sodisfatt li jkun salva l-ħajja jew fejjaq il-mard ta’ persuna oħra li ma jafhiex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport