Sunday, April 20, 2025

Bla dubju li s-sigriet tas suċċess ta’ Tarxien Rainbows FC kien l-għaqda u l-karattri li kellna fl-iskwadra- Brandon Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? 

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna minħabba li missieri, Winston Muscat, kien minn dejjem involut fil-futbol u kont dejjem niġri miegħu kull fejn imur.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC, fejn int ukoll il-viċi-captain tat-tim.  

L-esperjenza tiegħi ma’ Tarxien Ranbows FC kienet dejjem esperjenza sabiħa f’kull staġun li għamilt ma’ dan il-klabb. Kien hemm staġuni li kienu isbaħ mill-oħrajn imma l-ambjent tal-klabb huwa wieħed li jgħinek tħossok milqugħ grazzi għall-plejers, kowċis u nies involuti fil-kumitat tal-klabb. Din is-sena kienet iktar speċjali ovvjament għax ksibna l-promozzjoni lura lejn il-Malta Premier. Ilna naħdmu għal dan it- tragward mill-bidu ta’ Ġunju li għadda flimkien mal-captain Matthew Tabone, il-kowċ Jacques Scerri u t- team manager Dillon Mercieca. 

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni minn Tarxien Rainbows FC miċ-Challenge League għall-Malta Premier?

Bla dubju li s-sigriet tas suċċess ta’ Tarxien Rainbows FC kien l-għaqda u l-karattri li kellna fl-iskwadra. Kull plejer kellu parti importanti matul l-istaġun biex it-tim finalment laħaq it-tragward tal-promozzjoni.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb illi l-livell għola ħafna kemm fil-Malta Premier u anke fiċ-Challenge League, hekk kif kulħadd jista’ jirbaħ u jitlef ma’ kulħadd.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Nemmen li l-grawnds huma tajbin imma ovvjament dejjem hemm lok għal titjib.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi ma nħobbx naħseb fuqu ħafna fil-bogħod. Dejjem nimxi staġun, staġun u ngawdi l-mument ta’ bħalissa. Il-karriera ta’ plejer hi waħda qasira allura hu importanti li tgawdi kull mument possibli minħabba li fil-futbol l-affarijiet jinbidlu mil-lejl għan-nhar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Ovvjament hi xi ħaġa sabiħa li tilgħab il-futbol għaliex hemm mumenti sbieħ ħafna iżda anke mumenti mhux daqshekk sbieħ. Għalhekk dejjem trid tibqa’ taħdem u tibqa’ umli u żżomm il-mentalità li dejjem tista’ tibqa’ titjieb fil-logħba tal- futbol. Nemmen li l-iktar żewġ affarijiet importanti fil-futbol huma d-dedikazzjoni u l-umiltà u importanti li dejjem tibqa’ temmen fik innifsek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport