It-timijiet nazzjonali tal-Blackball impenjati fil-WPA Blackball World Championships kisbu tliet rebħiet minn ħames logħbiet sabiex komplew għaddejjin mill-mument pożittiv tagħhom.
L-Irġiel B kisbu rebħa importanti ta’ 13-12 kontra l-Ingilterra, filwaqt li t-tim A għelbu lill-Afrika t’Isfel 14-11 wara li aktar kmieni tilfu 15-10 kontra Franza.
Wirja mill-aqwa waslet mit-tim ta’ taħt it-18-il sena, li għelbu lill-Ingilterra 12-3. It-tim ta’ taħt it-23 sena tilfu bi skor minimu ta’ 8-7 kontra l-Afrika t’Isfel.
Kien hemm ukoll suċċessi fil-kompetizzjonijiet tad-doubles. Miguel Mizzi u Clevion Micallef għaddew mill-konfront kollu Malti kontra Johan Attard u Clayton Castaldi, filwaqt li Chaylon Castaldi u Matthias Debono rebħu 4-1 fil-kwarti tal-finali tal-Under 23 Doubles kontra s-Sud Afrikani Wenn/Mcedi. Jake Castaldi u Dielyn Edwards kisbu rebħa ċara ta’ 4-0 kontra l-Awstraljani Nagati/Roberts fid-doubles ta’ taħt it-18-il sena.
Illum, it-Tlieta, Chaylon Castaldi jilgħab is-semifinali tal-Under 23 Singles kontra Irfaan Williams fl-4:00pm ħin ta’ Malta.
Fil-5.30pm, Malta għandha żewġ finali: Castaldi u Debono jaffrontaw lill-Franċiżi T. Schneider u T. Couzigou fil-Under 23 Doubles, filwaqt li Castaldi u Edwards jilagħbu kontra l-koppja mill-Afrika t’Isfel Willemse/Fink fil-finali tal-Under 18 Doubles.
It-timijiet Maltin ukoll ikomplu l-impenji tagħhom, bit-tim B tal-irġiel kontra l-Awstralja fil-11:00, u t-tim A kontra l-Irlanda u l-Under 23 kontra l-Ingilterra fis-1:30.




