Miguel Amato ġie inkurunat rebbieħ tar-raba’ turnew tar-ranking organizzat mill-Malta Blackball Pool Federation wara wirja dominanti tul il-kompetizzjoni.
Fil-finali li saret ilbieraħ f’Montekristo Estate, Amato għeleb lil Gary Carr bl-iskor ta’ 10-3 biex kiseb it-titlu u fl-istess ħin issiġilla postu mat-Tim Nazzjonali A tal-Irġiel li se jirrappreżenta lil Malta fil-WPA World Championships 2026 f’Londra.
Fit-triqtu lejn il-finali, Amato elimina lil Edmond Busuttil 6-2, lil Luke Said 7-3, lil Philip Coleiro 8-5 u fis-semifinali għeleb lil Joseph Fiteni 9-4.
Min-naħa tiegħu, Gary Carr wasal sal-finali wara rebħa ta’ 6-0 fuq Kirsten Tanti, segwita minn suċċess ta’ 7-3 kontra Gabriel Vella, 8-4 kontra Clint Azzopardi u rebħa impressjonanti ta’ 9-1 fuq Miguel Mizzi fis-semifinali.
Il-finali rat lil Amato jikkontrolla l-logħba mill-bidu sal-aħħar biex b’mod meritat rebaħ it-titlu.




