Msida għaddew għall-finali tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-Boċċi meta għelbu l-isfida iebsa li offrewlhom St Peter’s Żabbar bl-iskor ta’ 21-13.
Kienet logħba ferm sabiħa milgħuba quddiem pubbliku numeruż li mela kull rokna tal-pitch ta’ Ħal Għaxaq.
Msida bdew b’vantaġġ komdu iżda fit-tieni parti tal-logħba, iż-Żabbarin bdew jersqu dejjem viċin. Kienet biss lejn l-aħħar li l-Misidjani aċċertaw ir-rebħa finali. Fil-finali huma se jiltaqgħu kontra ċ-champions Għaxaq, logħba li se tintlagħab fid-9 t’Ottubru fil-pitch ta’ Ħal Lija.
Msida kellhom lil Andre Caruana, Dunstan Zammit, George Ronayne, Melvin Zammit, Paul Pace u Paul Vassallo filwaqt li St Peter’s Żabbar lagħbu b’Conrad Borg, Owen Bezzina, Cameron Massa, Charles Galea, Rodney Randich uVince Galea.
Ir-referee kien Dillon Abela mgħejjun minn Redeemer Azzopardi.




