Sunday, May 5, 2024

“Bonġu, itlob għalina” … Miriam Pace lil bintha qabel ma mietet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dagħlodu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet ix-xhieda fil-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace.

Miriam Pace nstabet bla ħajja qalb it-tiġrif ta’ darha stess fit-2 ta’ Marzu li għadda. Kien wara nofsinhar meta l-Pulizija daħlilhom rapport li kienet ċediet residenza fi triq li fiha kienet għaddejja ħidma ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun. Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew immedjatament b’ħidma bit-tama li l-mara li kienet maħsuba li ntradmet kawża tal-inċident tinstab ħajja.

Intant il-ħidma delikata ħadet numru ta’ sigħat u wara li kelb tal-Pulizija identifika l-post fejn kienet il-mara, sfortunatament din instabet bla ħajja mirduma fir-radam.

Tixhed bint il-vittma

Bdiet biex tagħti x-xhieda tagħha Ivana Portelli, bint il-vittma u qalet li lejn Mejju tal-2019, ommha kienet qiegħda tinkwieta li jekk il-ġnien ta’ ħdejha kien qiegħed jinbiegħ. Bdiet tibża’ minħabba proġett kbir li seta’ jiżviluppa minn dak il-ġnien ta’ daqstant kobor.

Kienu stqarru li minħabba l-proġetti li kienu qegħdin isiru, kif ukoll elementi oħra bħat-tluq ta’ membri tal-familja mid-dar, kienu qegħdin ifittxu biex jiitlqu mid-dar.

Ommha kienet kkuntatjat waħda s-sensara, li stqarret li kien hemm pjanijiet għal żvilupp. Iktar tard fis-sajf, kien hemm laqgħa bejn il-familja Pace, is-sensara, l-iżviluppatur u l-perit.

Stqarret li hija telqet mid-dar ta’ ommha u misserha fil-Ħamrun wara li żżewġet u marret toqgħod Ħal Kirkop.

It-tifla u omma kienu f’kuntatt kontinwu. Pace kemm il-darba esprimiet il-biża’ u l-ħsibijiet tagħha fuq il-proġetti li kienu qegħdin isiru, speċjalment dak tal-bini ta’ ħdejha.

F’Jannar tal-2020, hija bdiet tinkwieta minħabba l-proġett ta’ ħdejn id-dar, tant li kellha tmur għand psikoloġista. L-appuntament kien fl-aħħar ta’ Marzu, u spiċċat ma marritx minħabba li laħqet mietet.

Meta saret taf li ħa jinqatgħu s-siġar ommha kienet qalitilha “Bonġu, itlob għalina.” Bagħtet ritratt ta’ gaffa taqla l-ħajt li kien qiegħed iserraħ mal-ħajt tal-appoġġ.

Siegħa wara, bagħtet video fuq group chat, fih jinstemgħu l-iżviluppatur Mallia u l-ġar. Dakinhar stess, kien hemm kamra tal-ġar li kienet ġarrbet xi ħsara.

“Ommi kienet tkellmu ħafna lill-iżviuppatur, kienet qegħda tgħidlu fuq il-concerns tagħha.”

Kellu jsir xi test tal-blat tal-propjetà, liema test kellu jkun iktar tard iżda baqa’ ma sarx.

Jixhed Surġent tal-Pulizija

Jixhed is-Surġent PS267 Anthony Cassar, li fit-2 ta’ Marzu, kien infurmat li waqgħet dar ħdejn sit ta’ kostruzzjoni.

Mar fuq il-post ma’ żewġ kuntistabbli oħra, fejn rriżulta li waqgħet dar, kif ukoll s-showroom ta’ taħtha, fis-sit ta’ kostruzzjoni ta’ ħdejha.

Huwa ssottometta r-rapport tiegħu lill-Qorti u niżel mix-xhieda.

Is-seduta li jmiss hija nhar il-Ġimgħa li ġejja, fid-9 ta’ Lulju.

Sport