Wednesday, October 9, 2024

BOV Premier: Sliema Wanderers jaħsdu lil Valletta

Aqra wkoll

Sliema W. ………1

Valletta ………….0

Sliema ħasdu lil Valletta meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal tant importanti jasal fit-tieni taqsima, eżattament fit-63 minuta, mill-attakkant Sloven, Vuto Plut.

Din kienet l-ewwel rebħa għall-Wanderers, u l-ew­wel telfa għal Valletta f’dan l-istaġun.

Peró, mill-wirja li kel­lhom kontra Birkirkara li fiha kienu ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 1-0, il-Wanderers urew li huma armati tajjeb  u organizzati f’kull dipartiment u kienet ukoll ħasra li ħarġu b’idejhom vojta.

Bla dubju, jekk jibqgħu juru l-istess konsistenza ma tkun l-ebda sorpriża li jisfidaw għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Għall-kronaka, kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu meta wara biss żewġ minuti, resqu viċin li jiftħu l-iskor meta l-attakkant Sloven, Luka Susnjara, kellu x-xutt fil-baxx salvat bi tbatija mill-goalkeeper, Rashed Al Tumi.

Il-partita żvolġiet f’waħda bilanċjata fejn il-logħob kien konċentrat f’nofs il-ground … u kien biss fl-44 minuta li ġiet innotata az­zjoni  oħra denja ta’ nota, li waslet min-naħa tal-Beltin meta Shaun Dimech għadda tajjeb lejn is-sostitut Brandon Paiber li kellu x-xutt tiegħu jintemm ftit barra.

Fil-61 minuta, Sliema resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta Denis Kouao kellu x-xutt  minn qagħda ideali devjat f’corner mid-difiża Beltija. 

Iżda minuta biss wara, huma ma kellhomx ikunu mċaħħda meta skorjaw il-goal li kellu jkun dak tar-reb­ħa meta mill-cross insidjuż ta’ Neil Frendo, VITO PLUT xeħet fix-xibka permezz ta’ daqqa ta’ ras.

U biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għall-Beltin, fil-81 minuta huma spiċċaw jilagħbu b’10 players, meta tkeċċa is-sostitut Alfred Hamnjoda Silas, wara li rċie­va żewġ karti sofor,   bil-player ikun ilu biss 21 minuta fil-ground.

Valletta bdew jagħmlu minn kollox fit-tenattiv li jiksbu d-draw u seba’ minuti wara, Shaun Dimech kellu f’saqajh il-goal iżda minn pożizzjoni ideali, tefa’ inkredibbilment għoli.

U filwaqt li Valletta bdew jilagħbu kontra l-ħin biex isibu l-goal tal-paritá,  Slie­ma Wanderers komplew jamministraw il-vantaġġ mi­­nimu li kellhom sas-suffara finali.

SLIEMA W.: 22-Rashed Al Tumi, 2-Jean Borg, 6-Jospeh Marie Minala, 9-Vito Plut, 11-Myles Beerman, 15-Gustavo Alcino, 20-Denis Kouao, 21-Neil Frendo, 33-Geoffrey Edwin Acheampong, 39-Samuel Gomes Da Mata (18-Edmond Agius 81), 77-Mohamed Awad (99-Karim Abubakar 74)   – Coach: Paul Zammit

VALLETTA: 16-Jake Galea, 6-Enzo Ruiz, 8-Fernando Barrientos, 9-Adrian Santiago Ferraris (13-Jake Azzopardi 60), 10-Shaun Dimech, 11-Luka Susnjara (80-Alfred Hamnajoda Silas 60), 20-Federico Falcone, 24-Rowen Muscat (22-Brandon Paiber 21), 30-Victor Luiz Prestes Filho, 44-Federico Vega (23-Donys Maldonado 74), 66-Neil Anthony Micallef   – Coach: Thane Micallef

REFEREE: Matthew Degab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Shaun Calleja

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORER: V. Plut 62 (SW)

AMMONITI: G. E. Acheampong, M. Awad, M. Beerman, R. Al Tumi (SW), F. Barrientos, S. A. Ferraris, N. A. Micallef, J. Benites Da Conceicao, A. H. Silas (V)

TKEĊĊA: A. H. Silas 81 (V)

PLAYER TAL-LOGĦBA: Geoffrey Acheampong (SW)

Sport