Saturday, February 1, 2025

Brian Cini jitlef fil-finali tal-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs

Aqra wkoll

Illum ġie fi tmiemu l-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs fejn Brian Cini tilef il-finali kontra ż-żgħażugħ Ċiniż, Yang Gao, 5-3. Il-finali li nlagħabet fuq l-aħjar minn disa’ frames baqgħet waħda bilanċjata minkejja li Cini ħareġ tellief.

Fl-ewwel frame kien iċ-Ċiniż li ħareġ rebbieħ iżda Cini rebaħ it-tieni u t-tielet frame fejn deher kunfidenti, saħansitra fihom wettaq l-aħjar breaks tal-logħba b’67 punt u 78 punt rispettivament. Qabel il-pawsa għal mistrieħ, Yang Goa ġab id-draw għal 2-2.

Fil-ħames u sitt frames, Gao u Cini, t-tnejn fallew xi boċċi li ma deherux daqstant diffiċli iżda xorta żammu l-logħba f’parita’.  Wara li Gao rebaħ is-seba’ frame, Cini ried bilfors jirbaħ l-aħħar żewġ frames biex joħroġ rebbieħ.

It-tmien frame li eventwalment għalaq il-finali, kien f’bilanċ sa meta kien jonqos żewġ ħomor u l-kuluri, tant li Gao kellu żewġ punti biss vantaġġ fuq Cini, 35-37. Iżda wara numru ta’ kolpi defensivi miż-żewġ finalisti, Gao ta lil Cini żewġ maskli konsekuttivi li fuqhom il-Malti wettaq ħames fouls u rregala 26 punt lil Gao. Min hawn iċ-Ċiniż ġie f’kontroll assolut biex għalaq il-konfront u rebaħ l-edizzjoni ta’ din s-sena li saret f’Saïdia, l-Marokk. Il-punteġġi tat-tmien frames kienu; 32-76, 71-1, 79-0, 26-80, 62-49, 12-63 u 38-81  

Iż-żgħażugħ Ċiniż, Yang Gao, li għad għandu 20 sena bħala rebbieħ ta’ dan il-kampjonat issa jerġa jingħaqad għal World Snooker Tour bħala player professjonali. Huwa diġa’ għandu esperjenza tas-snooker professjonali peress li wara li kien rebaħ WSF Junior Open li kien sar f’Malta kien rebaħ id-dritt li jipparteċipa fix-xena professjonali għal żewġ staguni bejn l-2020 u l-2022. Ftit qabel is-suċċess li kellu f’Malta, Yang Gao, meta kellu biss 15 -il sena kien ingħata wild card għal kompettizjoni fost il-professjonali waqt il-World Open li sar f’pajjiżu stess fl-2019. Huwa kien tilef l-istatus ta’ professjonali u s-sena l-oħra matul l-istess kampjonat tal-Amateurs, li sar fl-Albanija, kien wasal sal-finali iżda ħareġ tellief.

Prattikament din kienet is-sitt edizzjoni ta’ dan il-kampjonat tal-amateurs li jsir taħt l-awspiċi tal-World Snooker Federation, fejn din hija r-raba’ edizzjoni mirbuħa minn player Ċiniż u l-ħames edizzjoni mirbuħa minn player Asjatiku. Il-kompatrijotti ta’ Yang Gao kienu Luo Honghao (2018), Si Jiahui (2022), Ma Hailong (2023) filwaqt li rebbieħ tas-sena l-oħra kien Ka Wai Cheung minn Hong Kong li fil-finali kien għeleb lill-istess Yang Gao, 5-0.

Brian Cini bħala finalist u runner up issa huwa intitulat li jipparteċipa flimkien ma’ numru ta’ plejers oħra waqt il-kwalifikazzjoni għal Kampjonat tad-Dinja ta’ din is-sena li ser isir Sheffield, l-Ingilterra f’April li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport