Tuesday, May 6, 2025

B’saqajja mal-art, naħseb li jekk nibqa’ sejra hekk, ikolli futur li dejjem xtaqt u ħdimt għalih – Thea Parnis Coleiro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn etá żgħira dejjem kien jogħġobni l-isport. Bdejt l-iskola u l-għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika (PE) kien qalli biex nibda nipprattika l-atletika wara l-iskola.

X’suċċessi maġġuri kisbt fil-karriera tiegħek sa issa?

Naħseb l-ikbar unur għalija kien meta rbaħt il-Brażil żewġ midalji u kont l-ewwel Maltija li rbaħt fl-ISF. Irbaħt deheb darbtejn fis-60m f’Brno fir-Repubblika Ċeka, u ukoll best performance of category age. Dħalt fil-GSSE fir-relay team meta seħħet hawn Malta u kont l-iżgħar atleta. Is-sena l-oħra rbaħt l-Italja, deheb U18 u bronż mas-seniors. Fil-jiem li għaddew ksirt ukoll żewġ rekords nazzjonali – wieħed fil-100m sprint, u ieħor fil-200m sprint.

Fil-jiem li għaddew ksibt suċċess ferm importanti fejn irnexxilek tikser żewġ rekords nazzjonali fl-atletika. Agħtina iktar dettalji.

Iva fil-fatt ksirt rekord nazzjonali fil-100m sprint, fejn ġrejt taħt it-12-il sekonda għall-ewwel darba (11.79 sekondi) – prestazzjoni li tistabbilixxi rekords nazzjonali ġodda kemm fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena kif ukoll f’dik ta’ taħt l-20 sena. Fl-istess jum, ksirt rekord nazzjonali ieħor tal-200m sprint: 24.70 sekondi – riżultat mill-aqwa li timmarka pass importanti ieħor fil-karriera tiegħi fl-isprinting.

Dawn il-kisbiet jirriflettu x-xogħol iebes u d-dedikazzjoni li għamilt fit-taħriġ tiegħi, u ninsab kburija li nirrappreżenta l-futur tal-isprinting f’Malta. Dawn il-prestazzjonijiet żguraw ukoll il-kwalifika tiegħi għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE) li ġejjin f’Andorra. Jiena grata mmens lejn il-kowċ tiegħi, Rachid Chouhal ta’ Rush Athletics Club, li l-gwida u t-twemmin tiegħu fija kienu strumentali biex nilħaq dan il-livell.

Dan filwaqt li fix-xhur li għaddew ħadt sehem f’kompetizzjoni importanti fejn ikklassifikat fit-tieni post. Agħtina iktar dettalji.

Riċentement, ħadt sehem f’Lee Valley fejn ġejt 2nd overall u ksibt pb fit-200m. Għamilt pb ukoll fis-60m u ġejt 6th overall. Dawn kienu U20. Fil-jiem li għaddew ħadt sehem fil-Winter Championships ta’ Malta u ġejt fit-tieni post fis-60m. Irbaħt deheb fit-300m u fil-long jump ukoll. Barra minn hekk, nhar is-Sibt li għadda ħadt sehem f’kompetizzjoni importanti li kienu s-Senior Balkan Games fis-Serbja, fejn ksibt ħin ta’ 7.80s, 0.03s ‘il bogħod mill-PB tiegħi. Hawnhekk, kont l-iżgħar atleta fl-‘age heats’ kollha.

Riċentement, irbaħt ukoll l-unur tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal Jannar 2025. Agħtina iktar dettalji.

Irbaħt l-unur tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal Jannar 2025 għall-prestazzjoni li kelli riċentement f’Londra.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell qed jitjieb grazzi għall-għażliet tekniċi li jagħmlu Athletics Malta.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

F’ġurnata ta’ temp tajjeb, ir-riżorsi u l-faċilitajiet m’hawnx bħalhom. Ħasra li bħalma ġara fil-jiem li għaddew, f’dik il-kesħa kollha, m’għandniex ‘indoor track’.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

B’saqajja mal-art, naħseb li jekk nibqa’ sejra hekk, ikolli futur li dejjem xtaqt u ħdimt għalih!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

L-ewwelnett, nixtieq nirringrazzja b’mod personali lill-kowċ tiegħi Rachid Chouhal minn Rush Athletics Club. Imma biex wieħed jirnexxi irid ikollu għajnuna minn tad-dar, trid tkun dedikat għal dan l-isport u tidħol għalih b’ruħek u ġismek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport