Wednesday, December 25, 2024

BUDGET BL-AKBAR NEFQA SOĊJALI

Aqra wkoll

Il-Budget 2025, li kien ippreżentat it-Tnejn li għadda mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, huwa wieħed li tassew jixhed l-element qawwi ta’ Gvern soċjalista.

Dan minħabba l-għadd kbir ta’ miżuri soċjali li fih u li jolqtu faxex differenti tas-soċjetà. Fi ftit kliem, dan kien budget b’enfasi partikolari fuq it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, b’nefqa soċjali rekord fejn l-akbar għajnuna se tkun qiegħda tingħata lil min jiflaħ l-inqas.

B’dan il-Budget, għal darba oħra, ingħatat prova li l-investiment f’dan il-qasam jibqa’ wieħed b’saħħtu. Qegħdin nitkellmu fuq allokazzjoni ta’ €2.3 biljun, b’tisħiħ ta’ miżuri soċjali, fejn iċ-ċittadini Maltin u Għawdex dejjem jibqgħu l-prijorità.

Dan kollu seta’ jsir għax għandna ekonomija b’saħħitha u għax ilGvern qiegħed imexxi l-finanzi pubbliċi b’mod għaqli. Bla dubju fost il-miżuri ewlenin hemm it-tnaqqis fit-taxxi, iż-żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance u t-tkompli tas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Inċentivi li qegħdin ikomplu jgħinu aktar nies, sentiment li kien espress mill-imsieħba soċjali nfushom flewwel reazzjonijiet tagħhom għallBudget. Tajjeb ninnotaw ukoll li diversi ekonomisti nfushom faħħru dan il-Budget għall-element soċjali tiegħu.

Fil-fehma tagħna, il-Gvern qed jagħmel tajjeb li jkompli jagħti spjega ta x’jikkonsistu l-miżuri ta’ dan il-Budget, f’dak li qed ikun imsejjaħ bħala l-‘Budget Week’. Iżda mhux biss. Dan il-budget qiegħed jagħti d-direzzjoni li pajjiżna jridu f’diversi setturi u f’dawn il-jiem qegħdin jitħabbru dettalji sostanzjali ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna għaż-żmien li ġej.

Fl-aħħar mill-aħħar, dan kien budget ieħor li minnu se jgawdu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin billi se jaraw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Budget li nemmnu li qed iħares lejn il-futur u li qed jiffoka fuq il-kwalità aktar milli l-kwantità

Ekonomija

Sport