Tuesday, December 24, 2024

Budget b’miżuri li jindirizzaw l-iżvilupp żejjed f’Għawdex 

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) nnotat li l-miżuri elenkati fil-budget għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi filwaqt li jissalvagwardjaw u jsostnu t-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-Budget se jkompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali fost oħrajn, miżuri li se jkomplu jgħinu mhux biss lill-familji iżda anke lin-negozji.

Il-GTA irrikonoxxiet il-fatt li l-Budget 2024 kien jinkludi miżuri intiżi sabiex jindirizzaw l-iżvilupp żejjed f’Għawdex. Waħda mill-miżuri fil-fatt kienet tirrigwardja x-xiri ta’ proprjetajiet UCA jew li ilhom vakanti minn first-time buyers. Mis-sena d-dieħla se jiżdied il-grant li jingħata lil first time buyers ta’ dawn il-proprjetajiet f’Għawdex minn €30,000 għal €40,000. Dan minbarra l-għajnuniet b’saħħithom l-oħra ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal kull min jixtri din it-tip ta’ proprjetà.

Meta għamlet referenza għall-miżuri relatati mat-turiżmu, il-GTA semmiet l-estensjoni tal-miżura sabiex aktar turisti joqogħdu għal żmien fil-gżira Għawdxija, b’mod partikolari fix-xhur ta’ bejn Novembru u Marzu. Barra minn hekk, il-prodott turistiku Għawdxi mistenni jiggwadanja mit-€58 miljun li qed jiġu allokati għal Għawdex mill-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli Urban taħt ir-regolament ERDF.

Miżuri oħra li jolqtu s-settur turistiku Għawdxi jirreferu għall-konnettività bejn il-gżejjer, fosthom l-Airfield fix-Xewkija. Madankollu, il-GTA nnotat li ma saritx referenza għar-raba’ vapur ġdid mal-flotta tal-Gozo Channel u lanqas saret referenza dwar ir-dik li sejħitilha bħala “ring fencing” tal-fondi ta’ eko-kontribuzzjoni miġbura mill-akkomodazzjoni Għawdxija sabiex ikunu investiti direttament fi proġetti turistiċi f’din l-istess gżira.

Fl-aħħar nett, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ddikjarat li temmen li l-Budget għall-2024 huwa mmirat lejn l-istabbiltà ekonomika fil-Gżejjer Maltin f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għall-ekonomija, madankollu tibqa’ tittama li jittieħdu aktar miżuri biex ikun imħares u ssalvagwardjat il-karattru distint ta’ Għawdex.

Ekonomija

Sport