Friday, May 3, 2024

“Budget b’saħħtu aktar minn dak tas-sena li għaddiet”

Il-PM jwiegħed impenn biex il-budget li jmiss ikun b'saħħtu aktar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan huwa t-tieni budget ta’ din il-leġiżlatura u huwa wieħed b’saħħtu aktar minn dak tas-sena li għaddiet. Aħna rridu nfasslu l-futur ta’ dan il-poplu. Mhux beħsiebni nagħmel xi sagħtejn insemmi xi viżjoni ta’ eċċellenza, jgħaddu s-sagħtejn u jkun għadni m’għidt xejn”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-kontinwazzjoni tad-diskussjoni dwar il-budget preżentat għas-sena li ġejja. 

Dr Abela beda biex jispjega dwar kif il-gvern qiegħed joħroġ €1 miljun kuljum f’sussidju u għajnuna lill-poplu Malti u Għawdxi fejn jidħol il-qasam tal-enerġija. Il-Prim Ministru qal li dan il-gvern għandu soluzzjonijiet għal-lum u viżjoni għas-snin li ġejjin u tkellem dwar kif pajjiżna qiegħed jaspira li jkompli jinvesti biex sal-2026 ikollna t-tieni interconnector lest ukoll. Rigward x’jiġri jekk kemm-il darba jitwaqqfu dawn is-sussidji, Dr Abela qal li din tkun mistoqsija rilevanti biss jekk ikun hemm ħaddieħor imexxi l-pajjiż u mhux il-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru semma kif dan huwa budget ieħor mingħajr ebda sorpriżi u li huwa mibni fuq il-manifest Malta Flimkien. Fakkar li gvern Laburista wiegħed li se jibqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u hekk sar, wiegħed lill-pensjonanti aktar għajnuna u dawn ħadu l-ikbar żieda li qatt ngħatat, wiegħed aktar għajnuna lill-familji u c-childrens’ allowance żdiedu tliet darbiet aktar minn dak imwiegħed, wiegħed li jgħin liż-żgħir u għalhekk żdiedet il-paga minima fost ħafna miżuri oħra li se jkunu qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu. 

“Jekk tgħolli l-enerġija Sur President lill-middle class tkissirha u lill-klassi t’isfel tgħaffiġha hekk kif ġara qabel l-2013 eżatt”, kompla l-Prim Ministru filwaqt li fakkar kif kull darba li jara lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-establishment li jirrapreżenta biex jaħdem favur politika bil-kontra għax kien hu li għolla bil-qalb il-kontijiet tad-dawl, tal-ilma, tal-petrol u tad-diesel bid-doppju minn dak li għolew fl-Ewropa u ħoloq kriżi ekonomika ikbar milli kien hemm fl-Ewropa.

“Fil-verità ma nafx lil min qiegħed jipprova jagħti palata Lawrence Gonzi jekk hux lil Bernard Grech, jew lil dak li qed jimbuttaw biex joħodlu postu jew lil dik … imma dik biċċa tagħhom”, kompla l-Prim Ministru f’botta għall-fazzjonijiet interni li għandu l-Partit Nazzjonalista.

Il-budget jikkonferma l-għażliet tal-gvern…

“Se nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet li jgħinu lill-familji. Meta nitkellem dwar it-tieni budget minn ħamsa rrid infisser li għad iridu jiġu tliet budgets b’saħħithom li fihom nibqgħu ngħinu lin-nies bis-saħħa. Li ġejjin iridu jkunu b’saħħithom aktar minn dan għax jekk irridu Malta ġusta dan il-gvern irid jibqa’ t-tarka tal-soċjetà kollha”, kompla biex jisħaq Dr Abela filwaqt li fakkar kemm il-budget huwa kwistjoni tal-għażliet.

Huwa rrefera għall-budget ta’ gvern Ċiprijott li ddeċieda li jgħolli d-dazju fuq il-fjuwil u jnaqqas l-għajnuniet, L-Estonja li rrappurtat li l-kumpaniji naqsitilhom id-domanda, il-Ministru Finlandiż qal li sal-għeluq ta’ din is-sena t-tkabbir ekonomiku se jkun viċin iż-żero u l-gvern Franċiż bi pjan li diġà żied darbtejn il-kontijiet u se jkun qiegħed ireġġa lura xi għajnuniet. Fid-dawl ta’ dan kollu Dr Abela sostna li minkejja l-insularità tagħna, il-gvern Malti għażel għal darba oħra t-triq progressiva u investa fin-nies u fin-negozji.

Il-PM iħabbar investiment li se joħloq 180 karriera speċjalizzata

Kumpanija multinazzjonali b’investiment ta’ €74 miljun

Il-Prim Ministru qal li gvern Laburista se jibqa’ jinvesti fit-taħriġ biex itejjeb il-kwalitajiet tal-ħaddiema Għawdxin u Maltin biex ikunu huma li jaħtfu l-aqwa opportunitajiet.

“Nista’ nħabbar illejla aħbar sabiħa li tirrifletti l-fiduċja f’pajjiżna. Qed nitkellem fuq kumpanija li topera fil-qasam tal-innovazzjoni li tifforma parti minn grupp multinazzjonali u li fl-2012 kienet qiegħda tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha minħabba l-piżijiet li għabbielha gvern Nazzjonalista”, spjega Dr Abela filwaqt li saħaq li lura fi żmien il-pandemija dawn kienu esprimew it-tħassib li jekk il-gvern imur għal lockdown kienu se jagħlqu l-bibien iżda għax il-gvern serrħilhom rashom u żamm kelmtu, issa infurmaw li se jinvestu €74 miljun u se joħolqu 180 karriera speċjalizzata.

Dr Abela ħabbar li l-estenzjoni tal-impjant tagħhom se tkun qiegħda tinbeda dalwaqt taħt il-kordinazzjoni ta’ INDIS Malta.

“Time up … Irridu nkunu ibsin sakemm jidħlu, iżda ladarba f’pajjiżna rridu nitrattawhom b’dinjità”

Il-Prim Ministru kien ċar dwar il-ħaddiema barranin u qal li l-prinċipju ewlieni se jkun li mhux se jkun permess li biex ftit ftit nies jaqilgħu l-flus mill-importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema, ikollna piż mhux meħtieġ fuq il-poplu u fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Huwa ta l-eżempju tal-ħaddiema meħtieġa fil-qasam tas-saħħa u dak tat-turiżmu u sostna li jrid ikollna sistemi robusti li jiżguraw li f’dan il-pajjiż jidħlu ħaddiema ta’ kwalità, mħarrġa, u skont il-ħtieġa.

Dr Abela sostna li huwa time up għal dawk il-ftit it-temping agencies li kienu qegħdin jabbużaw u b’qafas ta’ regolamentazzjoni b’saħħtu se jkun qiegħed jitwettaq dan. Hawnhekk ħabbar li filwaqt li kompla d-djalogu mal-istakeholders, fil-Kabinett tal-ġimgħa d-dieħla se jkun qiegħed jitla abbozz li jirregola dawn l-aġenziji u li r-regoli se jkunu ċari ħafna fejn min ma japplikax se jkollu jieqaf jopera minnufih.

“Id-demm soċjalist tagħna ma jagħtinix li nara min japprofitta ruħu iktar minn ħaddiema fi stat vulnerabbli irrispettivament mill-kulur jew mir-razza tagħhom. Irridu nkunu ibsin sakemm jidħlu, iżda ladarba jidħlu f’pajjiżna rridu nitrattawhom b’dinjità”, saħaq Dr Abela filwaqt li sostna għal aktar minn darba li huwa time up għal min jaspira li jiffanga minn fuq il-bqija tas-soċjetà.

L-Oppożizzjoni dalwaqt tagħlaq ħalqha dwar l-Isptarijiet bħalma għamlet dwar l-AirMalta

Il-Prim Ministru lejn tmiem id-diskors tiegħu saħaq li l-Oppożizzjoni għalqet ħalqha dwar il-linja Nazzjonali tal-ajru, għax kellna, għandna u se jibqa’ jkollna linja Nazzjonali tal-ajru bl-unika differenza li dik futura se tkun qiegħda ttir b’mod aktar sostenibbli, profitabbli u aktar b’saħħitha. Dwar il-kwistjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-Isptarijiet, Dr Abela qal li t-talba tal-€400 miljun hija gidba bħal li kieku kienet hi li kienet qiegħda tiffinanzja l-operat ta’ l-Isptar Karin Grech u dak Ġenerali t’Għawdex.

Fakkar li l-gvern ilu minn Marzu li għadda li mar f’arbitraġġ internazzjonali u fittex lil Stewards. “Malta għamlet bidliet kbar. Aħna ottimisti u kuraġġużi. Għax imdawwar b’nies kompetenti ma ġejniex hawn biex naqtgħu qalb in-nies, anzi ġejna ngħidulkom li se nwettqu iktar. Flimkien nistgħu nagħmlu bidliet kbar. Sħabi u jien lesti li nidħlu għaliha għax mimlijin entużjażmu biex inwettqu iżjed. Ma rridux Malta ta’ qalb ħarxa, aħna rridu Malta ħanina u Ġusta ma’ kulħadd”, temm jgħid il-Prim Ministru filwaqt li sostna li mill-għada tal-budget il-gvern telaq bl-implimentazzjoni tiegħu.

Sport