Monday, May 13, 2024

F’Ottubru jgħaddu aktar minn 770,000 passiġġier mill-MIA

L-ajruport qed jistenna li sal-aħħar tal-2023 ikun laqa’ 7.8 miljun passiġġier

Aqra wkoll

Ottubru ġab fi tmiemu l-istaġun tas-sajf għall-industrija tal-avjazzjoni u miegħu ġab ukoll 771,253 passiġġier għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan it-total jirrappreżenta żieda ta’ 9.6% fuq il-livelli tal-2019.

Ġiet irreġistrata wkoll żieda ta’ 6.4% fin-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-ajruport. Minkejja din iż-żieda, domanda b’saħħitha għall-ivvjaġġar matul Ottubru wasslet sabiex 84.7% ta’ dawn il-postijiet jimtlew.

L-aqwa swieq għax-xahar ta’ Ottubru kienu l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Filwaqt li l-Italja (+47%), Franza (+53%) u Spanja (+3%) kisbu riżultati aqwa minn dawk tal-2019, ir-Renju Unit (-17%) u l-Ġermanja (-23%) komplew jirkupraw bil-mod.

Ir-riżultati b’saħħithom li ġew irreġistrati bejn Jannar u Ottubru flimkien ma’ prospetti pożittivi għal Novembru u Diċembru wasslu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jirrevedi t-tbassir tat-traffiku tiegħu. L-Ajruport issa qiegħed jistenna li sal-aħħar tas-sena 2023 ikun laqa’ 7.8 miljun passiġġier.

Sport