“Budget li jagħti garanzija ta’ ekonomija li tibqa’ trendi”

il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, wara li ġie ppreżentat il-Budget 2027, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li dan il-budget jagħti garanzija ta’ ekonomija li tibqa’ trendi fl-istess waqt li d-dħul tal-pajjiż huwa wieħed b’saħħtu.

Dr Abela qal li f’dan l-ewwel budget ta’ din il-leġiżlatura, il-Gvern żamm kelmtu dwar wegħda ewlenija li tressqet fil-manifest elettorali, dik li jingħata s-Super Bonus ta’ €1,000 fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. 

“Stajna nagħmlu dan kollu għal raġuni waħda u ewlenija. Ekonomija li hi waħda b’saħħitha. Li minkejja ċ-ċirkostanzi internazzjonali baqgħet waħda reżiljenti. Finanzi tal-pajjiż li bit-teħid ta’ deċiżonijiet għaqlija żammejniehom b’saħħithom.”

Il-Prim Ministru kompla jgħid li lil hinn mill-ġenerożità li dan il-Gvern wera b’mod għaqli, ta wkoll sens ta’ direzzjoni ċara. Analiżi tal-qagħda li jinsab fiha l-pajjiż illum imma wkoll lejn fejn irridu mmorru fl-10 snin li ġejjin, f’linja mal-Viżjoni Malta 2050. 

Dr Abela tenna jgħid li dan huwa budget bl-akbar investiment fis-soċjal, fl-edukazzjoni u s-saħħa. Budget li jammonta għal ftit inqas minn €11-il biljun u “huwa l-uniku budget progressiv fl-Ewropa kollha.”

“Barra minn hekk, il-budget fid-diversi miżuri mħabbra jagħti stabbiltà meħtieġa biex insostnu l-ekonomija tagħna. Miżura ewlenija tibqa’ s-sussidji fuq l-enerġija,” qal il-Prim Ministru.

Huwa elenka bosta miżuri li tħabbru fil-budget fosthom iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa lill-pensjonanti, terapiji bla ħlas lil tfal b’diżabilità u t-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri. 

Il-Prim Ministru tenna li dan il-budget jagħti żewġ garanziji ewlenin, dik ta’ stabbiltà fil-prezzijiet u l-kontinwità tal-progress soċjali u ekonomiku. 

“Illum qegħdin fejn qegħdin għax ma bżajniex nieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġużi li kienu meħtieġa li jittieħdu llum u fis-snin li ġejjin. Għalhekk f’dan il-budget komplejna nuru lejn fejn irridu nieħdu l-ekonomija tagħna,” qal Dr Abela. 

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg u mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport