Tuesday, October 27, 2026
Home Sport L-Ingliż Harry Kane jirbaħ il-Ballun tad-Deheb għal din is-sena

L-Ingliż Harry Kane jirbaħ il-Ballun tad-Deheb għal din is-sena

0
56

F’ċerimonja li saret fil-Palladium Theatre, f’Londra, organizzata minn France Football taħt l-awspiċi tal-FIFA, l-attakkant internazzjonali Ingliż ta’ Bayern Munich, Harry Kane, rebaħ il-Ballun tad-Deheb għal din is-sena.

Dan tħabbar u ġie ppreżentat bit-trofew mil-leġġendarju Brażiljan, Ronaldo (li fil-passat rebaħ dan l-unur darbtejn), hekk kif is-sala nfexxet f’ċapċip u għajjat ta’ approvazzjoni favur Kane.

Huwa għeleb lill-Franċiż ta’ Real Madrid, Kylian Mbappe u  lill-Ispanjol ta’ Barcelona, Lamine Yamal.

Din is-70 edizzjoni ġiet ippreżentata mill-eks players, l-internazzjonali Franċiż li lagħab ma’ Juventus u ma’ Arsenal, Thierry Henry u l-ġurnalista u preżentatriċi fuq il-mezzi tax-xandir, l-Ingliża Kate Scott.

L-Ispanjola ta’ Barcelona, Alexia Putellas, 32 sena, rebħet il-Ballon D’Or tan-Nisa hekk kif mexxiet lit-team għar-rebħ tal-Quardruple Crown – Liga F, Cope de la Reina, is-Super Cup Spanjola u l-UEFA Champions League.

Dan kien it-tielet award tagħha biex laħqet lill-kollega Aitana Bonmati li rebħitu fl-aħħar tliet snin konsekuttivi.

Dan l-award ġie ppreżentat mill-Ingliż, Michael Owen, rebbieħ tal-Ballon d’Or fl-2001.

 L-attakkant internazzjonali Ingliż ta’ Bayern Munich, Harry Kane, rebaħ il-Gerd Muller Trophy wara li skorja 61 goal minn 51 partita.

L-internazzjonali Messikana ta’ CF Pachuca, Charlyn Corral rebħet il-kategorija tan-Nisa, li skorjat 57 goals minn 67 logħba. 

L-attriċi, Sophie Turner, u l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-Premier League Ingliż, Alan Shearer, ippreżentaw it-trofej.

Il-goalkeeper internazzjonali Spanjol ta’ Athletic Club, Unai Simon, rebaħ il-Yashin Trophy hekk kif iddistingwa lilu nnifsu bejn il-lasti f’ħafna okkażjonjiet.

L-internazzjonali Spanjola ta’ Barcelona, Cata Coll, rebħet il-kategorija tan-Nisa li kienet strumentali fir-rebħ tal-unuri.

Dawn iż-żewġ trofej ġew ippreżentati mill-goalkeeper leġġendarju Daniż, Peter Schmeichel.

Il-coach Spanjol, Luis de la Fuente, rebaħ il-Johan Cruyff Trophy, wara li mexxa lil pajjiżu għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja meta fil-finali għelbu lill-Arġentina bl-iskor ta’ 1-0.

Fost il-kandidati għal dan l-unur kien hemm ukoll it-tliet coaches Spanjoli, Mikel Arteta, Luis Enrique u Unai Emery.

It-trofew ġiet ippreżentata lilu mill-coach Spanjol, Rafael Benitez.

Il-coach Spanjol, Pere Romeu, rebaħ l-unur tal-coach tan-Nisa, fejn mexxa lit-team ta’ Barcelona għar-rebħ tal-UEFA Champions League u għall-Kampjonat Spanjol.

Huwa ġie ppreżentat bit-trofew mill-coach Spanjol, Rafael Benitez, għal darb’oħra.

Iż-żagħ­żugħ internazzjo­nali Spanjol ta’ Barcelona, Lamine Yamal,  rebaħ il-Kopa Trophy biex sar l-ewwel player iswed li rebaħ dan l-unur għat-tielet darba konsekuttiva.

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet minn player oħra ta’ Barcelona, l-internazzjonali Spanjola, Vicky Lopez, 19-il sena, li rebħitha għat-tieni darba nfila u li ġiet preżentata bit-trofew minn Lucy Bronze. 

Paris St-Germain rebħu l-unur tat-Team tas-Sena wara li rebħu l-UEFA Champions League għat-tieni darba nfila. Kien Ousmane Dembele (li jinsab imweġġa’) li tela’ għal dan it-trofew minħabba li t-team kien impenjat f’logħba tal-kampjonat fejn issupera lil dak ta’ Lyon bl-iskor ta’ 2-0.

It-team tan-Nisa ta’ Barcelona ġie vvutat bħala t-Team tas-Sena wara s-suċċess tagħhom tal-Quadruple. Fl-assenza tal-players u l-coach, kien il-president Joan Laporta, li ppreżenta ruħu għal dan l-award.

Dawn iż-żewġ unuri ġew ippreżentati mill-eks players ta’ Arsenal, Sol Campbell u Patrick Vieira.

Il-winger internazzjonali Ingliż ta’ Arsenal, Bukayo Saka, rebaħ is-Socrates Award liema premju jingħata lil dawk li  jwettqu xogħol umanitarju u soċjali straordinarju barra mill-qasam tal-football. Huwa jaħdem f’organizzazzjoni tal-karitá bl-isem BigShoe fejn joffri għajnuna u appoġġ komprensiv lit-tfal u ż-żgħażagħ biex ikollhom aktar opportunitajiet fil-ħajja tagħhom.

Luis Enrique u t-tifla tiegħu Sira, huma l-patruni ta’ din il-fondazzjoni wara l-mewt tat-tifla l-oħra, Xana, li mietet bil-marda tal-kanċer fl-għadam.

Il-kantant/awtur Burna Boy, li għandu wkoll akkademja tal-football, ippreżenta dan l-award.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here