Meta żar il-fabbrika tal-General Soft Drinks, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u magħhom iddiskuta diversi temi, kif ukoll l-ideat u l-proposti tagħhom. Din id-diskussjoni ssoktat b’laqgħa estensiva mat-tmexxija tal-General Workers’ Union (GWU), li huma r-rappreżentanti tal-istess ħaddiema.
Meta poġġa mal-ħaddiema l-Prim Ministru sema’ l-ħsibijiet tal-ħaddiema nfushom li fost oħrajn irrimarkaw fuq kemm it-taħriġ kontinwu jgħinhom fuq il-post tax-xogħol u jgħinhom iħarsu lejn karriera flok sempliċi impjieg. Is-suġġett tal-ħiliet kien anke diskuss fid-dawl tal-proposti għall-Budget 2024 imressqa mill-GWU fosthom dwar miżuri favur titjib fil-kwalità tal-prodott turistiku Malti u Għawdxi marbut mal-ħiliet tal-ħaddiema fl-ospitalità.
Dwar din il-proposta, il-ġimgħa l-oħra l-Kabinett tal-Ministri ħa deċiżjoni importanti biex ħaddiema fit-turiżmu li jkunu tassew meħtieġa f’Malta għandhom l-ewwel jgħaddu minn kors speċifiku qabel jingħataw il-permess biex jaħdmu. Għal-laqgħa mal-GWU kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Hawn il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li l-Budget jibqa’ jwieżen u jappoġġja lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom b’għaqal u tisħiħ ta’ ekonomija bbażata fuq il-kwalità. Il-Prim Ministru Abela semma l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jsostni l-għajnuna biex tiġi mrażżna kemm jista’ jkun possibbli l-inflazzjoni.
Hawn issemmiet l-għajnuna li se jibqa’ jagħti l-Gvern favur l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija li tagħti serħan il-moħħ u ċertezza mhux biss lill-ħaddiema iżda anki lin-negozji, li jħaddmu lill-ħaddiema. Dan f’kuntest ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu f’pajjiżna fejn ir-rata ta’ impjiegi hi kważi ħames darbiet iżjed mill-medja u l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
“Qed niltaqgħu f’ambitu ta’ tbassir mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) tal-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u tal-aħħar credit rating ta’ DBRS Morningstar li għal darb’oħra tat l-ogħla klassifikazzjoni lill-ekonomija Maltija,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota li pajjiżna jrid jibqa’ jkollu ekonomija b’saħħitha biex ikompli bit-tranżizzjoni ta’ qalbiet importanti, jiġifieri ambjentali u diġitali flimkien mas-sostenn ta’ miżuri ta’ ġid komuni.