Sunday, November 24, 2024

BUDGET TA’ FIDUĊJA FIL-FUTUR

Aqra wkoll

Il-budget li ġiet ippreżentat ilbieraħ mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għas-sena 2024, huwa wieħed li jikkonsolida l-preżent fl-istess waqt li jippjana għall-futur. Huwa budget ieħor b’element soċjalista li mhux biss ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura imma jiftaħ ir-rotot għal min irid ikompli miexi ‘l quddiem. 

Dan il-budget se jimxi fuq l-għajta ta’ Malta Ġusta u dan huwa rifless fl-għadd ta’ miżuri soċjali biex ikomplu jtejbu l-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi. Filwaqt li l-budget jaħseb għal nefqa pubblika kbira, iżda fil-fehma tagħna huwa wieħed li se jkompli jistimula l-ekonomija sabiex b’hekk tkun tista’ tiġbed aktar investiment barrani lejha u toħloq impjiegi ta’ kwalità. 

F’dan il-kuntest l-iskema li tħabbret fil-jiem li għaddew tal-iskill cards se jkollha rwol kruċjali mhux biss f’kemm jiġu barranin biex jaħdmu f’Malta imma wkoll li jrid ikollhom ċertu ħiliet. B’dan il-mod, se jitkattar l-għan li l-impjiegi jkunu ta’ kwalità aħjar milli dejjem kienu.

Bla dubju, il-miżuri mħabbra lbieraħ se jaffettwaw b’mod pożittiv l-aktar lil dawk li jinsabu ‘l isfel fil-faxex tas-soċjetà. Għalhekk il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA se jiżdied biex jilħaq 95,000 familja. 

Għalkemm il-Gvern qed jipprova kemm jista’ jkun li jikkontrolla l-inflazzjoni, blilli qed jerfa’ l-piż hu minflok il-familiji Maltin għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, nemmnu li għandu jinstab mezz ieħor kif l-inflazzjoni tkompli titrażżan. Dan għaliex ma jistax ikun aktar li filwaqt li f’pajjiżi oħra l-inflazzjoni bdiet tbatti u waslet għal roħs f’ċertu prezzijiet, f’Malta dan għadu ma bediex iseħħ.

Dan il-budget huwa prova oħra ta’ kemm il-Gvern lest li jisma’ x’għandu xi jgħid il-poplu tant li huwa konferma oħra ta’ budget għan-nies li ma jħalli l-ħadd jaqa’ lura. 

Ma’ dan, wieħed irid isemmi wkoll l-isfida tal-qalba diġitali u t-tkomplija tat-tħaris tal-ambjent, l-aktar f’żoni urbani sabiex il-kwalità tal-ħajja tkompli titjieb anke minkejja l-isfidi u l-pressjonijiet li jiġu fuq pajjiżna konsegwenza ta’ avvenimenti kemm fir-reġjun tal-Mediterran kif ukoll lil hinn.

Sport