Il-Budget 2024 huwa wieħed li tassew jixhed l-element qawwi ta’ Gvern soċjalista. Dan minħabba l-għadd kbir ta’ miżuri soċjali li fih u li jolqtu faxex differenti tas-soċjetà. Għalhekk, dan huwa Budget li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, b’nefqa soċjali rekord fejn l-akbar għajnuna se tkun qiegħda tingħata lil min jiflaħ l-inqas.
B’sodisfazzjon ninnutaw li dan se jkun Budget ieħor li mhux biss ikompli jħares l-istabbilità imma jikkonsolidaha għas-snin li ġejjin filwaqt li se jsaħħaħ il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema u l-pensjonanti. Fil-fatt, miżura ewlenija f’dan il-Budget hija ż-żieda b’saħħitha fil-pensjonijiet, id-disa’ waħda konsekuttiva ta’ Gvern Laburista. Hawn tajjeb li nfakkru li taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, għal 22 sena sħaħ, l-anzjani ma kienu raw l-ebda żieda fil-pensjoni tagħhom.
Hekk ukoll nistgħu ngħidu illi kellu jkun Gvern Laburista li introduċa l-paga minima u kien Gvern Laburista wkoll li kompla jsaħħaħha hekk kif jixhed il-ftehim li ġie ffirmat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li se jaraw li mill-bidu tas-sena d-dieħla, dawk li jaqgħu f’din il-kategorija se jaraw żieda fil-paga tagħhom.
Ma’ dawn il-miżuri hemm oħrajn li jagħtu l-inċentiv biex aktar persuni fosthom nisa u anzjani sabiex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol. Hawnhekk ta’ min isemmi wkoll li l-Gvern f’dan il-Budget qed jinċentiva lill-istudenti billi jżidilhom l-istipendji ħalli jibqgħu fis-sistema edukattiva u jiksbu l-ħiliet li pajjiżna għandu bżonn illum u li se jiġi bżon fil-futur aktar u aktar wara l-qalba diġitali.
Tajjeb ninnotaw li diversi ekonomisti nfushom faħħru dan il-Budget għall-element soċjali tiegħu filwaqt li rrimarkaw ukoll b’mod favorevoli l-viżjoni tal-Gvern fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku. Fl-istess waqt li saħqu fuq il-bżonn li dak li nkiseb mhux biss ikun protett imma wkoll jibqa’ jikber b’tali mod li jikkonsolida r-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar mill-aħħar, dan kien budget ieħor li minnu se jgawdu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin billi se jaraw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Budget li nemmnu li qed iħares lejn il-futur.