Fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat Għawdex,a ktar kmieni llum ġiet iċċelebrata l-Festa ta’ San Ġwann Bosco, patrun tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’quddiesa Solenni fil-kappella immexxija minn Nunzju Appostoliku għal Malta l-Arċisqof Savio Hon Tai-Fai, Sależjan, quddiesa li saret b’varjazzjoni ta’ żewġ lingwi – il-Malti u l-Ingliż, kienet animata mill-kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. George Frendo.

Wara il-quddiesa sar it-tberik tal-annimali fi Pjazza Santu Wistin minn Dun Anton Schembri.

Illejla, l-arċipriet tal-Katidral Mons Ġużepp Sultana jiċċelebra quddiesa fil-kappella tal-Oratorju segwita mill-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann Bosco mat-toroq ewlenin tar-Rabat u akkumpanjata mil-l-Banda Leone, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Colin Attard.

Kif tidħol il-purċissjoni jsir xi talb, u wara fit-Teatru ta’ l-Oratorju Don Bosco se jittella’ kunċert tradizzjonali mill-Gozo Youth Wind Band, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn.