“Bagħtli xi ħadd biex noħodlu ħsieb il-kelb u kif għidtlu ma nistgħax għax għandi klieb oħrajn qalli li se jitilqu fit-triq”. Iddikjarat dan ma’ talk.mt Francesca Portelli hi u titkellem magħna dwar l-istorja ta’ ġeru li fl-aħħar sigħat ngħata familja ġdida minn Wayne Camilleri.
Francesca li taħdem b’imħabba u dedikazzjoni kbira spjegat magħna li din il-konverżazzjoni kienet għaddejja f’nofs ta’ lejl fejn dan il-persuna filli talabha biex toħodlu ħsieb kelb u filli qalilha li la ma tistax kien se jitilqu fit-triq għall-ħabta ta’ nofsillejl.
“Tista’ timmaġina dak il-ħin kif ħassejtni jiena u bdejt nittama li kien qiegħed jiċċajta. Spjegajtlu li huwa illegali li titlaq kelb fit-triq għal riħu iżda ftit ikkalkulani. Ċempiltlu xi 10 darbiet u ma rrispondinix. Ftit wara rċevejt messaġġ li kien tard wisq għax kien telaq dak il-kelb u xi klieb oħrajn fejn il-Happy Paws Clinic il-Marsa”, kompliet Francesca filwaqt li tenniet li minnufih ċemplet ħabiba tagħha li taħdem fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li minnufih marru u sabu kelb mitluq. Iżda il-kelb adottat minn Wayne ma kienx dak. L-uffiċjali tad-Dipartiment irritornaw l-għada minħabba li d-deskrizzjoni tal-kelb ma kinitx taqbel ma dak misjub u sabu lil dan il-ġmiel ta’ ġeru.
Wayne Camilleri min-naħa tiegħu esprima r-rabja għal din l-imġiba u filwaqt li assigura lill-kelb ġdid tiegħu Nikki li daru issa kienet saret darhom, bħal donnu ried jispjegalu li hawn nies differenti li jafu jħobbu wkoll minbarra dawk li hu ddeskriva bħala “ħela t’arja u ikel”.