Saturday, December 14, 2024

Charles Camilleri fl-azzjoni fil-korsa ta’ Vincennes Pariġi

Aqra wkoll

L-appuntament annwali bejn ġerreja minn pajjiżi differenti li fihom jiġu esportati żwiemel Franċiżi din is-sena se jerġa jirritorna fil-korsa ta’ Vincennes Pariġi. Nhar il-Ġimgħa filgħaxija ssir il-Prix de Rencontres Internationales fejn Charles Camilleri se jkun fost il-ħmistax-il ġerrej biex jirrappreżenta lil Malta. Din hija t-tielet darba li Camilleri se jkun qed jipparteċipa f’din it-tiġrija hekk kif fl-2010 kien spiċċa r-raba’ u fl-2015 kien spiċċa fid-disa’ post. S’issa saq tlettax-il tiġrija fi Franza fejn kien ukoll ħareġ rebbieħ fil-Prix de Malte li saret Laval fl-2008 biż-żiemel Kaprice d’Ecajeul.

Din it-tiġrija hija waħda “reclamer” fuq distanza ta’ 2100m miftuħa għal żwiemel li għandhom bejn 6 u 9 snin li qed ikunu reklamati għall-prezz ta’ €18,000. Camilleri se jkun qed isuq id-debba bi-numru 3 Enerise Flash.

Din it-tiġrija hija wkoll abbinata mas-serata li tippremja l-aqwa żiemel Franċiż tas-sena preċedenti f’kull pajjiż li ssir l-esportazzjoni tagħhom minn Franza. Is-sena l-oħra f’Malta dan kien Febus du Juille li kien importat f’pajjiżna lejn l-aħħar tas-sena 2020 meta kellu 5 snin. Matul is-sena 2021 minn 14-il tiġrija rebaħ 9 u kien biss f’tiġrija waħda li ma spiċċax mal-ewwel erbgħa. Interessanti l-fatt li dan iż-żiemel minkejja li kien ġera diversi tiġrijiet f’pajjiżu qatt ma kien irnexxielu joħroġ rebbieħ u s’issa f’Malta rebaħ tnax-il tiġrija. Sabiex jirċievu dan l-unur se jkun hemm sidu James Dimech kif ukoll il-ġerrej regolari tiegħu Kurt Saliba. Jakkumpanja d-delegazzjoni Maltija s-Sur Edwin Borg viċi Chairman tal-Malta Racing Club u EquestriMalta.

It-tiġrija tista’ tiġi segwieta permezz tas-sit elettroniku Le Trot li jittrasmetti t-tiġrijiet b’mod dirett u mistennija tibda fl-22:07.

Ekonomija

Sport