Monday, May 6, 2024

Clayton Castaldi jirbaħ it-tieni IZIBET Elite Athlete Award

Aqra wkoll

National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru r-rebbieħ tat-tieni unur li qed jingħata lill-atleti Maltin kull xahrejn.

L-għan ewlieni tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali għax-xhur ta’ Jannar–Frar, Marzu-April, Mejju-Ġunju, Lulju–Awissu, Settembru-Ottubru, u Novembru–Diċembru.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur imsemmija u jassiguraw li jkun hemm korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

It-tieni unur li jkopri x-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2023, ingħata liċ-Champion tad-Dinja tal-Pool Clayton Castaldi. Castaldi rebaħ dan it-titlu wara prestazzjoni mill-aqwa li kellu fil-Kampjonati Dinjija li saru f’Agadir fil-Marokk. Castaldi kien brillanti fil-fażi tal-gruppi u dik eliminatorja, sabiex fil-finali għeleb lill-plejer professjonali Ingliż Josh Kane bl-iskor ta’ 11-9 u ġie nkurunat champion.

Franco De Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc qal, “Bħalma għidt fit-tnedija tal-IZIBET Elite Athlete Award, aħna ninsabu kburin li qed nissieħbu mal-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex nagħrfu l-isforzi li jsiru mill-atleti lokali. Clayton Castaldi jagħmilna kburin li aħna Maltin, għax minkejja ċ-ċokon tagħna, għandna rebbieħ f’kompetizzjoni dinjija “.

Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports ikkumenta, “Ninsab ferm sodisfatt li kumpanija rispettabli bħal National Lottery bil-prodott tagħha IZIBET, qed tagħti l-Elite Athlete Award flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Is-suċċess ta’ Clayton Castaldi huwa frott ta’ sagrifiċji li huwa flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pool jagħmlu sabiex niksbu riżultati tajbin internazzjonalment”.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/

Sport