Thursday, December 26, 2024

Conf. Lge: Illum jidħlu fix-xena Balzan, Birkirkara u Gzira Utd

Aqra wkoll

Meta se jingħata bidu għall-kompetizzjoni tal-UEFA Conference League, illum jidħlu fl-azzjoni t-tliet timijiet Maltin, Balzan, Birkirkara u Gzira United meta jintlagħab l-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni. 

Gzira United v Glentoran FC

Centenary Stadium, fis-7.00 pm

 Immexxija mill-coach Darren Abdilla, Gzira United jospitaw lit-team mill-Irlanda ta’ Fuq, Glentoran.

ll-Gżirjani temmew il-kampjonat tal-istaġun li għadda fit-tielet post wara perjodi kuntrastużi bejn l-ewwel u t-tieni round. 

Huma ippreparaw bis-sħiħ għal dan il-konfront meta kellhom sensiela ta’ logħbiet ta’ ħbiberija bl-aħħar waħda tkun dik kontra Birkirkara li ntemmet fi draw ta’ 1-1. 

Mill-istaġun preċedenti, huma tilfu pedini importanti li ngħaqdu ma’ clubs oħra fosthom Jefferson de Assis, Steve Pisani u Luke Tabone.  Mill-banda l-oħra, huma akkwistaw lill-Brażiljani José Wilkson Teixeira Rocha u Carlos Conceicao Filho u lill-Kolumbjan Farid Romero Zuniga. 

Imwaqqfa fl-1882, Glentoran huma bbażati fil-lvant tal-belt kapitali, Belfast. Huma minn fost l-aktar clubs li rebħu unuri li jinkludu 23 darba il-kampjonat, 23 darba it-Tazza Irlandiża, seba’  darbiet il-League Cups u darbtejn iċ-Charity Shield. 

Fl-istaġun li għadda, huma spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika tal-kampjonat Irlandiż, disa’ punti bogħod miċ-champions Larne u tliet punti mit-team fit-tieni post Linfield. 

F’dawn l-aħħar snin, Gżira United irnexxielhom javvanzaw lil hinn mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, b’dik tas-sena l-oħra kienet waħda storika minħabba li waslu sat-tielet round u kienu ġew eliminati minn Wolfsburg tal-Ġermanja. 

NK Maribor vs Birkirkara

Ljudski VRT Stadium – fid-9.00 pm

Birkirkara jibdew l-avventura tagħhom barra minn darhom kontra s-Sloveni ta’ NK Maribor. 

It-team huwa mmexxi mill-coach Taljan, Giovanni Tedesco li kellu staġun memorabbli wara bidu kemmxejn diffiċli hekk kif taħt il-gwida tiegħu l-Istripes rebħu wkoll l-FA Trophy. 

Huma se jagħmlu r-ritorn tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara li fl-istaġun li għadda naqsu li jagħmlu dan. 

Fit-tentattiv biex tissaħħaħ l-iskwadra, il-Kar­kariżi akkwistaw lill-goalkeeper Pollakk Marcel Zaptowski, l-attakkant Kolombjan Italo Montano, id-difensur mir-Repubblika Dominikana Enmy Pena Beltre u l-attakkant Brażiljan Ma­xuell Maia.

Min-naħa ta’ Maribor, huma rebħu 16-il darba l-kampjonat, disa’ darbiet it-Tazza Slovena u erba’ darbiet is-Super Cup.

Din se tkun ir-raba’ darba li Maribor se jilagħbu f’pajjiżna u t-tielet darba kontra Birkirkara. 

F’Awwissu 1992 huma eliminaw lil Hamrun Spartans b’aggregate ta’ 5-2; f’Ġunju 2007 u f’Lulju 2013 huma għelbu lil Birkirkara b’aggregates ta’ 5-1 u 2-0 rispettivament. 

Domzale vs Balzan

Domzale Sports Park, fis-7.00 pm

Balzan għandhom konfront delikat meta jmorru s-Slovenja biex jafforntaw lil NK Dom­zale. 

ll-Balzanin ikkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni wara li rebħu l-partita deċiżiva kontra Hibernians wara li Birkirkara (li kienu diġá kkwa­lifikaw bit-tieni post) rebħu l-FA Trophy. 

Huma saħħew l-iskwadra billi akkwistaw lill-goalkeeper Serb Danilo Golovic, lid-difensur Portugiż Evandro Gomes, lit-tliet midfielders – il-Malti Jake Grech, il-Ġappuniż Ryohei Michibuchi u lill-Awstraljan Manyluak Aguek u lill-attakkant Niġerjan Peter Olawale.

Domzale rebħu l-kampjonat domestiku darb­tejn, u darba t-Tazza Slovena u s-Super Cup.

L-aqwa mument tagħhom fil-kompetizzjoni­jiet Ewropej kien fl-istaġun 2017/18 meta waslu sar-round tal-play-off fejn tilfu kontra Olympique Marseille ta’ Franza. 

Balzan jafu sew lill-avversarji tagħhom meta tliet staġuni ilu ltaqgħu magħhom fil-UEFA Europa League fejn sfaw megħluba 4-3 fis-Centenary stadium u 1-0 fis-Slovenja għal aggregate ta’ 5-3. 

Ekonomija

Sport