Friday, December 27, 2024

Conf. Lge: Telfa kbira għal Sliema Wanderers

Aqra wkoll

FC NOAH ………………………. 7     

SLIEMA WANDERERS ……… 0

Sliema Wanderers jinsabu qrib l-eliminazzjoni mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League meta marru l-Armenja u fl-ewwel leg sfaw umiljati minn FC Noah bl-iskor ta’ 7-0, bis-Slimiżi ma jindirizzawx xutt dirett fil-lasti matul il-logħba kollha.

Kif jindika r-riżultat, l-Armeni ddominaw għal kollox dan il-konfront li spiċċa bħala passiġġata u bi ftit aktar attenzjoni r-rebħa setgħet kienet akbar.

Fir-raba’ minuta, l-Armeni appellaw għal penalty meta Artyom Avanesian daħal fil-kaxxa u tfixkel f’saqajh stess iżda kien kollu normali għar-referee Maċedonjan, Roman Jitari.

Fil-11-il minuta, il-Wanderers ħelsuha ħafif meta Gudmundur Thorarinsson xeħet cross insidjuż lejn  Eraldo Cia­nari li quddiem il-goalkeeper, Josip Bender, ma kkonnettjax bir-ras biex seta’ jixħet il-ballun fix-xibka.

Fl-14-il minuta, Vito Plut seta’ għadda lejn Adam Magri Overend li kien f‘pożizzjoni ideali iżda pprefera li jixxuttja minn barra l-kaxxa peró ġie mblukkat.

Fid-19-il minuta Noah fetħu l-iskor meta, bi through pass perfett Gor Manvel­yan fetaħ lid-difiża Slimiża u  żmarka għal kollox lil VIRGILE PINSON li kellu ċ-ċans jirranġa l-ballun qabel għeleb lil Bender.

Fit-28 minuta, l-Armeni rduppjaw minn azzjoni mejta meta Murilo Henrique tilef il-pussess tal-ballun b’mod traskurat għas-spejjeż ta’ Manvelyan li kompla lejn GONCALO GREGORIO u waħdu quddiem Bender ma żbaljax.

U bis-Slimiżi demoralizzati għal aħħar, tliet minuti wara sofrew it-tielet goal, meta Thorarinsson xeħet lejn Pinson fuq il-faxxa laterali li dendel cross li qabeż għal kollox lil Jean Borg fejn GONCALO GREGORIO kien warajh u b’daqqa ta’ ras stupenda tefa’ fix-xibka.

L-ewwel taqsima għalqet b’xutt ta’ Magri Overend li ntemm barra.

U t-tieni taqsima fetħet bi Gregorio jfalli ċans tad-deheb meta mill-cross ta’ Thorarinsson ma laqatx il-ballun minn metru bogħod u b’lasti vojta.

Fil-56 minuta, GONCALO GREGORIO rreġistra t-trip­letta personali meta l-goalkeeper Bender qassam qasir lejn Henrique biex Artyom Avanesian approfitta u kompla lejn sieħbu biex bil-kalma kollha ddepożita l-ballun fix-xibka.

Fid-69 minuta, Gregorio ħaseb li skorja r-raba’ goal personali iżda kien senjalat f’pożizzjoni ta’ offside.

Żewġ minuti wara, l-Armeni skorjaw il-ħames goal meta ERALDO CINARI rċieva mill-cross ta’ Thorarinsson, irnex­xielu jsib l-ispazju bejn Jean Borg u Cain Attard u tefa’ ġewwa.  Fit-72 minuta, Noah għamluhom sitta meta Gustavo Sangare qassam lejn ERALDO CINARI li t-tentattiv tiegħu ġie devjat minn Gustavo Alcino bil-ballun iqarraq għal kollox bil-goalkeeper Bender.

U fid-90 minuta, b’żifna bil-ballun HELDER FERREIRA ssiġilla rebħa ta’ 7-0 għat-team tiegħu.

FC NOAH: 22-Ognjen Chancharevick, 4-Gudmundur Thorarinsson, 8-Goncalo Gregorio (9-Matheus Aias 81), 11-Eraldo Cinari, 18-Artyom Avanesian (19-Hovhannes Hambartsumyan 64), 20-Martin Gambos (81-Omar Imran Oulad 74), 26-Aleksandar Milijkovic (7-Helder Ferreira 64), 27- Gor Manvelyan, 28-Pablo Santos, 37-Goncalo Silva, 93-Virgile Pinson (17-Gustavo Sangare 64) – Coach: Rui Mota

SLIEMA W.: 28-Josip Bender, 2-Jean Borg, 6-Joseph Minala (18-Serginho 46), 7-Adam Magri Overend (21-Neil Frendo 78), 9-Vito Plut (10-Samuel Gomes 70), 11-Myles Beerman (22-Cain Attard 65), 15-Gustavo Alcino, 31-Murilo Henrique, 33-Geoffrey Acheampong, 42-Simon Zibo, 70-Steve Pisani (88-Stanley Ohawuchi 78) – Coach: Paul Zammit

REFEREE: Roman Jitari (Maċedonja)

ASS. REFEREES: Vlad Lifciu, Vadim Vicol (Maċedonja)

RABA’ UFF: Ion Orlic (Maċedonja)

SKORERS: V. Pinson 19, G. Gregorio 28, 31, 56, E. Cinari 71, 72  (N)

AMMONITI: Ħadd

Ekonomija

Sport