Wednesday, March 27, 2024

“Daħħalt il-kant mal-vjolin biex nesprimi ruħi b’żewġ talenti differenti”

Matul l-ewwel ġimagħtejn ta’ Diċembru, l-kantanta u vjolinista, Maria Cini ser tkun qiegħda żżur il-Palestina fejn se tkun qiegħda ddoqq ġewwa l-pjazza tan-Natività f’Betlem.

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-vjolin?

L-imħabba tiegħi lejn il-vjolin bdiet minn mindu kelli xi seba’ snin. Meta kelli ħames snin jien bdejt niżfen il-‘Ballroom Latin’. Dan it-tip ta’ żfin jirrikjedi akkumpanjant. Matul is-sentejn li jien għamilt niżfen, biddilt l-akkumpanjant ħames darbiet li mbagħad qtajt qalbi u waqaft. Wara dakinhar konna qiegħdin id-dar u fuq it-televixin kien hemm orkestra ddoqq u affaxinajt ruħi meta rajt il-vjolin. Ommi ddoqq il-kitarra u pruvat fuq li pruvat biex tagħllimni l-kitarra, peró jien kont konvinta li xtaqt nitgħallem il-vjolin, u mnalla. Minn dakinhar nibtet imħabba ġdida li għada preżenti jekk mhux ikbar minn 16-il sena ilu.

Kif tara x-xena tal-mużika f’Malta?

Ix-xena tal-mużika f’Malta, għalkemm għandna ħafna opportunitajiet uniċi u kbar, sfortunatament jekk tkun trid tikber f’din il-karriera b’mod professjonali, hija kemmxejn iktar diffiċli għaliex l-opportunitajiet li nsibu hawn, jillimatawna kemmxejn ta’ kemm tista’ tikber fil-karriera tigeħek. Għalhekk kien hemm ħafna artisti li ddeċidew li jmorru barra u jkomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom barra għax l-opportunitajiet huma ikbar u hemm iktar fejn tista’ tikber bħala artist. Sfortunatament hawn ftit maltin li ma japprezzawx il-mużika u x-xogħol li nagħmlu aħna biex ntellgħu ‘performance’ peró hawn Maltin ukoll li japprezzaw kull sekonda ta’ kull minuta li dik tfisser ħafna għalina. Minn dejjem xtaqt li mmur barra minn xtutna nkompli bil-karriera tal-mużika tiegħi peró. 

Barra li ddoqq, int tkanta wkoll. Kif jirnexxielek tikkombina ż-żewġ affariiet flimkien?

Minn dejjem kont inħobb inkanta imma qatt ma kont ninkludi l-kant fil-gigs tiegħi. Meta ġietni l-ħajra li naħdem fuq l-ewwel diska tiegħi, wara ħafna diskussjonijiet mat-team tal-produzzjoni, iddeċidejt li ndaħħal il-kant fid-diska tiegħi. Wara li ħriġt l-ewwel diska tiegħi, ‘Not Enough’, iddeċidejt li nibda ndaħħal il-kant ftit ftit fil-gigs tiegħi. Ma jiddispjaċini xejn li daħħalt il-kant mal-vjolin għaliex nista’ nesprimi ruħi b’żewġ talenti differenti. Li hemm tajjeb ukoll hi li l-gigs inkun nista’ nqassamhom ftit kant u ftit vjolin u b’hekk in-nies ma jiddejqux jisimgħu l-istess lanqas. 

Għandek xi role model f’ħajtek?

Ir-Role Model f’ħajti hija ‘Maria Cini fil-futur’. Kuljum noħlom kif nixtieq nkun iktar il-quddiem f’ħajti u dik dejjem nżommha f’moħħi f’kull mument tal-ġurnata u naħdem biex insir dik il-persuna. Domt ħafna biex sibt lili nnifsi, x’irrid f’ħajti, x’irrid insir, peró qatt m’hu tard wisq u l-ħolm mhux qiegħed hemm biex inħalluh taħt l-imħadda imma biex naħdmu u nistinkaw u xi darba ngħixu dik il-ħolma. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-mużika?

Lanqas jien stess ma naf peró b’xi mod inlaħħaq kull ħaġa li jkolli f’moħħi. Bħalissa qiegħda naħdem full-time bħala Learning Support Educator, nistudja part-time, indoqq u nkanta filgħaxijiet, naħdem fuq kollaborazzjonijiet kif ukoll fuq diski tiegħi personali tiegħi u nipprova nsib ħin għalija u mmur sal-gym jew imqar mixja. Kuljum hija sfida ġdida biex nlaħħaq mal-ħin peró kif inqum filgħodu nqassam il-ġurnata kif suppost. Għandi kemmxejn ta’ ossessjoni li nżomm mal-ħin u jekk nkun kemmxejn tard nibda nippanikja u nagħmel minn kollox biex nlaħħaq mal-pjan li kelli f’moħħi. Ħin għalija ma tantx ikolli u nipprova ngawdi lil sħabi kemm jista’ jkun ukoll. 

F’Diċembru li ġej se ddoqq diski tal-Milied ġewwa Betlem fl-Iżrael. Kif qed tħares lejn din l-esperjenza?

Għadni ma nistax nemmen li ġejt mogħtija din l-esperjenza. Ħdimt ħafna biex wasalt fejn jien illum il-ġurnata u napprezza li n-nies japprezzaw it-talenti u l-ħidma tiegħi u jagħtuni opportunitajiet imprezzabli bħal din. Fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Diċembru se nkun qiegħda nżur il-Palestina fejn ħa nkun qiegħda ndoqq ġewwa l-pjazza tan-Nativita f’Betlem, Beit Sahur u Beit Jala. Eċitata mmens biex nesperjenza din l-opportunita’ u wara li s-sena l-oħra, din l-opportunita’ ġiet kkanċellata ħesrem ħabba l-varjant Omicron, għandi qalbi kemmxejn imtertqa u kulljum nitlob li kollox imur sew u jkolli l-opportunita’ li mmur. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Qed nħares lejn il-futur tiegħi b’ħafna pożittivitá u ninsab ottimista li bid-determinazzjoni, għandi nasal fejn nixtieq. Nżomm dejjem f’moħħi biex nibqa’ umli jiġri x’jiġri u niftakar li jien bdejt mil-qiegħ nett bħal ħaddieħor. Ma naqta’ qalbi qatt u jekk xi darba nsib xi tumbata, naffaċjaha u nibqa’ miexja dejjem il-quddiem. Sfortunatament dejjem issib mumenti fejn tħossok falluta, peró dawk il-mumenti ndawwarom fi ħsibijiet pożittivi u nużahom biex nikber iktar. Qed ikolli ħafna opportunitajiet differenti li bis-saħħa tagħhom qiegħda nikber mużikalment, qed nsir naf ħafna nies differenti u nara talenti differenti. 

Għaddi messaġġ lil dawk li bħalek jixtiequ jibdew jiehdu bis-serjeta l-muzika f’hajjithom specjalment il-kant u d-daqq tal-vjolin.

Għal min għandu x-xewqa li jibni karriera fil-mużika, nixtieq ngħidilhom ma jaqtawx qalbhom. Għalkemm aħna ngħixu ġo pajjiż żgħir u forsi kemmxejn limitati għal opportunitajiet ġodda u kbar, jekk taħdmu u tistinkaw, il-ħolm tagħkom isir realta. Minn dejjem xtaqt li jkolli l-opportunitá li ndoqq barra minn xtutna u wara ħafna snin ta prattika u xogħol, il-ħolma tiegħi ħa ssir realta’ u tagħkom tista ssir ukoll. Mhix ħa tkun faċli sakemm tibni lilek innifsek peró li tagħmel, għamlu b’passjoni u b’imħabba. In-nies jarawha u meta jaraw ħafna passjoni u ħafna imħabba, japprezzaw it-talenti tiegħek iktar. Tiddejqux tesperiments u tieħdu riskju f’dak li tant tħobbu tagħmlu. Kultant li tieħu riskju f’xi deċiżjoni fuq il-karriera tiegħek, jaf tibdillek ħajtek ta’ taħt fuq u tiftaħlek opportunitajiet ġodda. 

Ekonomija

Sport