Sunday, May 5, 2024

“Dak li ksibna sa issa huwa l-bidu ta’ dak li kapaċi niksbu jekk naħdmu flimkien” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt intervista li saret ġewwa Għawdex, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li s-Sibt li għadda beda l-ewwel survey reali u jkompli nhar is-Sibt li ġej. Sostna li s-Sibt li ġej se jiddetermina l-futur tal-pajjiż, jekk hux sejrin lejn il-passat jew nibqgħu mexjin kif mexjin bis-saħħa lejn il-futur. Assigura li l-Partit Laburista huwa l-moviment tal-futur ta’ dan il-pajjiż.

“Nhar is-Sibt l-għażla tan-nies se tkun bejn min għandu l-aħjar pjan għall-futur tal-pajjiż. Aħna għandna elf proposta li bis-siġill ta’ approvazzjoni tan-nies jistgħu jsiru elf kisba għal pajjiżna. Nifhem li hemm stedina min-naħa tal-Oppożizzjoni li qed tgħid lin-nies biex jibqgħu d-dar. Li tibqa’ d-dar mhix soluzzjoni. Li tibqa’ d-dar jfisser siġill ta’ approvazzjoni għall-manifest tal-PN li jrid jiħodna lura lejn il-passat,” qal Dr Abela.

Żied jgħid: “L-għażla jekk iċ-ċekkijiet li waslu din il-ġimgħa jkunux tal-aħħar, jekk il-fiduċja tingħata lill-PN, jew jekk sena wara sena nibqgħux inżidu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni ta’ taxxa. Fuq kollox, qegħdin f’mument partikolari bit-tensjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukranja. Hawnhekk jidħol il-fatt jekk il-pajjiż hux se jkollu tmexxija li toffri ċ-ċertezza u stabbiltà, u dan il-moviment li jista’ joffri dan, jew jekk hux se mmorru għall-għażla ta’ partit fl-Oppożizzjoni li saħansitra ġabu l-firda fosthom stess. Firdu partit, tħalluhomx jifirdu pajjiż.”

Dr Abela tkellem dwar l-importanza li n-nies joħorġu jivvutaw u qal li t-tweġiba tan-nies lill-PN, lil Bernard Grech li qed jgħid kull min ma joħroġx jivvota se jinterpertah bħala vot ta’ approvazzjoni għalih, hija li n-nies imorru jivvutaw bi ħġarhom minn kmieni nhar is-Sibt. 

Tkellem ukoll dwar kemm Għawdex mexa ‘l quddiem mill-2013, minn meta l-poplu ddeċieda jagħti l-fiduċja lill-PL. Hawnhekk semma kemm kiber is-suq tax-xogħol f’Għawdex u l-livell infrastrutturali li sar. Assigura li Għawdex se jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern.

Dr Abela tkellem dwar il-kunċett ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar u qal li l-elf proposta li għandhom fil-manifest elettorali, li ġew mill-ideat tan-nies, minkejja li jitrattaw temi differenti kollha jingħaqdu f’katina waħda taħt il-kappa ta’ kwalità tal-ħajja.

Hawnhekk semma kif fl-2013 f’Għawdex kellek realtà fejn il-prijoritajiet dakinhar kienu t-tisħiħ tal-ekonomija u jinħolqu x-xogħol u l-impjiegi. Qal li għal dan waslu tant li waqt pandemija ħolqu 2,000 impjieg u saħansitra għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kelna f’Għawdex, kif għandna f’Malta.

Qal li għandna tkabbir ekonomiku li mhux wara dak ta’ Malta imma daqs xulxin.

Tkellem ukol li l-pajjiż issa jeħtieġlu prijoritajiet ġodda  u hekk għandhom. Qal li għalhekk li bdew il-kampanja elettorali billi nedew l-ikbar pjan ambjentali li qatt kellu pajjiżna – €700 miljun ta’ investiment fuq medda ta’ seba’ snin. Hawnhekk semma li wieħed mill-proġetti għal qalbu huwa dak li se jsir fir-Rabat Għawdex fejn il-parkeġġ li hemm fejn it-terminus mhux se jibqa’ parkeġġ imma se jsir taħt l-art u fejn hemm il-parkeġġ isir spazju miftuħ biex il-familji jkunu jistgħu jgawdu.

Qal li sfida oħra li għandhom u li għandhom il-kredibilità li jaslu għaliha hija  li jaslu għal climate neutrality f’Malta u Għawdex. Hawnhekk semma dak li qed jiġi propost fejn l-enerġija li tiġi ġġenerata għall-bżonnijiet ta’ Għawdex tiġi kollha minn sorsi rinovabbli.

Dwar proġetti ambjentali Dr Abela aċċenna għall-proġett tax-Shore to ship, investiment ta’ aktar minn €50 miljun li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mill-fondi Ewropej. Hawnhekk qal li għalhekk bħala Gvern kellhom l-għaqal li jġibu l-fondi. Semma kif dan l-istess proġett issa qed jestenduh għall-Malta Freeport.

Fost l-oħrajn semma l-Qortin, miżbla għal 36 sena, li l-Gvern ikkonvertiha għal spazju miftuħ għar-rilassament tal-familji. Semma wkoll li l-istess kunċett huwa dak f’Wied Fulija u li dawn il-proġetti juru kemm għandhom il-prijorità ambjentali għal qalbhom. Dan apparti minn numru kbir ta’ proġetti u investimenti fil-gżira Għawdxija.

Qal li l-benefiċċju ta’ ekonomija b’saħħitha trid issarfu f’investiment fin-nies. Hawnhekk semma l-mod kif bħala Gvern imxew mindu bdiet il-pandemija fejn ma mxewx mal-politika ta’ awsterità, għall-kuntrarju kif kienet imxiet amministrazzjoni preċedenti fi kriżijiet passati. Dr Abela qal li sa mill-bidu tal-pandemija ħadu d-deċiżjoni li jibqgħu man-nies u meta ddeċiedew hekk għażlu li l-piż ma jagħmluhx fuq in-nies.

Semma wkoll id-diversi għajnuniet fejn fost l-oħrajn semma Skema 9 li tgħodd għal tfal li ġejjin minn familji li jistgħu l-inqas. Qal li meta ġew biex ifasslu dan il-manifest, semgħu minn ġenituri li qalu li jweġġgħu li jridu jagħżlu għat-tfal tagħhom. Dr Abela qal li il-ġenituri se jieħdu kull benefiċċju li hemm fi Skema 9 u saħansitra se jwessgħu l-benefiċċji li hemm f’din l-iskema.

Mistoqsi għalfejn Għawdex għandu jivvota lill-PL, Dr Abela tkellem dwar kif hemm 53 proposta speċifiċi għall-Għawdex u 300 riferenza għall-Għawdex fil-manifest elettorali. 

“Ftakru li kull elezzjoni titlaq xejn b’xejn. Ejja ma niħdu xejn forgranted u għalhekk mhux biss l-importanza li nivvutaw, iżda li nivvutaw għall-kandidati kollha fuq il-lista tal-Partit Laburista. Dak li ksibna sa issa huwa l-bidu ta’ dak li kapaċi niksbu jekk naħdmu flimkien. Għandi bżonn li tisilfuni l-fiduċja tagħkom.”

Sport