Dak li tadura huwa dak li tħobb

Aqra wkoll

Minn P. Charles Tonna O.P.

Fil-ħajja naduraw dak li nħobbu. “Naduraw” u nħobbu xi partit politiku, xi team tal-futbol u affarijiet oħra li fuqhom tant naħsbu u nitkellmu. Infittxu ħafna t-television, il-mobile, il-computer għal ħafna raġunijiet. Iżda hemm affarijiet oħra li aktar jaħkmu l-qalb  tagħna: il-flus, il-poter, l-ambizzjoni, il-pjaċiri tal-ħajja… Iżda f’dan iż-żmien kulħadd jitħaddet fuq il-budget, marbut mal-ekonomija. Nisimgħu kummenti pożittivi u negattivi. 

Il-Kelma ta’ Alla tixħet ħafna dawl fuq il-flus u l-ġid fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin. B’mod ġenerali jekk il-flus jitmexxew tajjeb ikun ta’ ġid għalina, iżda jekk l-imħabba lejn il-ġid u l-flus isiru l-iskop ewlieni ta’ ħajjitna, aktar importanti minn Alla allura jħallu konsegwenzi ħżiena fina biex saħansitra nesplojtaw lil ħaddieħor.

Il-Flus u l-Ġid: Alla huwa Sid ta’ kollox, aħna namministraw ir-riżorsi li jagħtina Alla kif tgħallimna l-parabbola tat-talenti (Mt 25:14-30). Il-ġid huwa xi ħaġa newtrali: fih innifsu mhux ħażin, iżda r-regħba għall-flus twasslu biex isir l-għerq ta’ kull ħażen (1 Tm 6:10): prostituzzjoni, droga, użura, serq, ġlied fuq wirt u dejn. Għax il-ġid jista’ jieħu l-post ta’ Alla meta l-affarijiet materjali jsiru idoli jew sidien. Għalhekk Ġesu’ wera kif l-għana jista jsir ‘alla’ f’kompetizzjoni ma’ Alla veru, u qal li ”ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien għax jew jobgħod wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu ’l Alla u l-flus (Mt 6:24). Il-flus u l-ġid tant jistgħu jaħkmu l-qalb tal-bniedem, li Ġesù wissiena: “Kemm hu iebes li l-għonja jidħlu fis-saltna ta’ Alla” (Mk 10:23). Barra minn hekk il-flus jistgħu jwasslu għar-regħba. Ġesu stess jgħidilna, “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom mir-rebgħa, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”. Hekk ġralu dak li ried jibni l-imħażen għax kellu ħafna ġid: “Iblaħ li int! Dan il-lejl stess jitolbu ruħek lura. U l-ġid li ħejjejt għalik ta’ min ikun? Hekk jiġrilu min jiġma ġid għalih bla ma jistagħna quddiem Alla” (Lq 12:15; 20-21). Min bla rażan iħobb il-flus ma jixbax bil-flus u min iħobb l-għana ma jixbax bil-qliegħ. U kemm hu iblaħ il-bniedem li joqgħod jitħabat jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru (S 39:7). Fl-aħħar mill-aħħar kollox jgħaddi u jispiċċa anki l-istess ħajja, “għax daqsxejn ta’ nifs hu l-bniedem u bħal dell li jgħaddi huma jiemu (S 144:4).  

Il-Piż tad-Dejn : Meta l-mezzi finanzjarji ma jlaħħqux mal-bżonnijiet li jkollna jitfaċċa dejn: l-affarijiet jogħlew, ix-xiri u l-manteniment tad-dar iżidu ħafna spejjeż u wieħed xi drabi jkollu jiddejjen. Ġesù wkoll ħass il-bżonn li ma jkollux dejn mal-istat, “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla”(Mt 22:21). Meta staqsew lil Pietru jekk Ġesù jħallasx it-taxxa, Ġesù qal lil Pietru biex imur jistad u għandu jaqbad ħuta u fiha jsib stater, u biha jħallas it-taxxa “għalija u għalik” (Mt 17:27). Ħafna drabi wieħed jispiċċa jiddejjen minħabba kapriċċi li ma jiflaħx għalihom. Bil-malti għandna l-espressjoni “medd riġlejk skond il-friex” – jiġifieri tfittixx kapriċċi li ma tiflaħx għalihom.

L–Aħbar it-Tajba tal-Ġid: L-għaqal huwa ħafna importanti fl-ippjanar tiegħek u tal-familja. Neħtieġu ċerta awto-dixxiplina, rażan, gratitudini u fiduċja f’Alla li jbierek il-ħidma tagħna għax, “kull min Alla taħ ġid, għana u setgħa li jgawdihom, ħa jieħu u jifraħ b’xogħlu għax dan hu don ta’ Alla. Ma joqgħodx jitħasseb fuq għomru meta Alla jżommu mehdi bil-ferħ ta’ qalbu” (Koħ 5:18). U “id il-bieżel iġġiblu l-għana” (Prov 10:4). Aħna għandna nkunu kuntenti b’dak li għandna għax “Jien m’inix sa nħallik anqas nitilqek” (Lh 13:5). Kemm hu sabiħ li naqsmu dak li għandna ma’ ħaddieħor: “Agħtu karità u fittxu boroz li ma jintemmux, teżori li ma jiġux nieqsa fis-sema, għax fejn hemm  it-teżori tagħkom hemm tinsab qalbkom ukoll”(Lq 12:33-34);“Agħtu u jingħatalkom(Lq 6:38) għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ(2  Kor 9:7) u “min jagħti hu aktar ħieni minn dak li jieħu” (2 Kor 20:35). Hemm eżempju sabiħ ta’ dik l-armla li tefgħet kulma kellha biex tgħix (Mk 12:44; Lq 21:4).

Jalla napprezzw il-ġid kollu li jagħtina l-Mulej u ngawduh waqt li niftakru f’ħutna fil-bżonn, “Għax ħlaskom kbir fis-sema”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport