F’intervista ma’ tliet ġurnalisti mill-midja indipenenti (Lovin Malta, Who’s Who.mt u Malta Daily), il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fisser kif is-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna trid tkompli tħalli l-flus fil-bwiet tal-familji tagħna biex jibqa’ jkollhom kwalità tal-ħajja li dejjem togħla. Il-Prim Ministru sostna dan fi tweġibiet li ta lill-ġurnalisti fuq it-tema tal-affordabbiltà fil-proprjetà u anki fil-miżuri tal-Budget fosthom fid-direzzjoni strateġika li ta l-Gvern dwar ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi li jkun għad m’għandhomx l-istatus tar-residenza fit-tul.
Dwar l-affordabbiltà fil-proprjetà, filwaqt li rrimarka li l-valur tal-proprjetà żdied, il-fatti juru wkoll li Malta għandha rata għolja ta’ 85% ta’ Maltin u Għawdxin li huma sidien ta’ darhom kontra r-rata tal-medja Ewropea, li hija ta’ 68%. Irrimarka li f’pajjiżna hawn 122,000 persuna sidien ta’ darhom, b’93,000 minnhom ma għandhomx self fuq il-proprjetà.
Fuq il-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-messaġġ tal-Gvern kien moqri fil-Budget u huwa msejjes fuq il-prinċipju li l-ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi jridu jikkontribwixxu għall-benefiċċji li qed jagħtihom pajjiżna fosthom saħħa u edukazzjoni u anki stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. Qal li hemm ħsibijiet ġustifikati biex imbagħad insaħħu l-effiċjenza fl-ipproċessar minn Identità dwar ir-residenza fit-tul wara ħames snin. Dr Abela aċċenna li r-rispett li jagħti d-dinjità tax-xogħol huwa wieħed li jrid jinżamm għal kulħadd ġej minn fejn ġej. Innota li l-Oppożizzjoni min-naħa l-oħra teqleb ta’ taħt fuq il-pożizzjonijiet tagħha għall-iskopijiet populisti tagħha.
Dwar l-intelliġenza artifiċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa investiment importanti iżda dan irid isir f’kuntest u mhux a skapitù tal-bniedem. Il-Prim Ministru semma wkoll il-miżura tal-Gvern ta’ AI għal Kulħadd fejn qed jingħata taħriġ. “Bl-AI għall-Kulħadd, qed ikollna medja ta’ elf persuna li jlestu l-kors fil-ġimgħa”, sostna l-Mexxej Laburista.
Dwar l-ippjanar, il-Prim Ministru sostna li għal min ried ixerred kampanja li wara l-elezzjoni konna se ngħaddu romblu fuq dan il-qasam issa ħa r-risposta għax mhux il-każ. Dr Abela qal li fehem il-messaġġ tan-nies u issa qed inġibu l-ewwel riforma li wegħdna: li ndaħħlu minnufih emenda biex xogħlijiet ta’ żvilupp li jingħataw permess ma jibdewx sakemm jinqata’ l-appell. Dwar sanzjonijiet fuq żviluppi illegali, Dr Abela qal li hu ma jilleġitimizza l-ebda illegalità iżda kollox irid jittieħed fil-kuntest realistiku. Qal li żviluppi industrijali mhux se jkunu fir-reġim ta’ emendi ta’ sanzjoni. Dwar id-DC27 li jitkellem dwar kif nistgħu naqbdu dak magħruf bħala DC15 u naġġornawh. Qal li dan kollu irid jieħodna għar-reviżjoni tal-pjanijiet lokali. Id-DC27 irid ikun hemm biex nindirizzaw il-lakuni u l-ambigwitajiet fejn jeżistu. Insaħħu d-disinn li jirrispetta l-kuntest ta’ kull lokalità. Nipproteġu aħjar il-wirt mibni tagħna u rridu nsaħħu l-kwalità residenzjali”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb ukoll dwar il-qasam tat-trasport fejn il-Gvern għandu l-pjan ħolistiku tal-Malta in Motion li b’responsabbiltà qed jagħmel studji tekniċi dwar anki il-vijabilità tat-trasport tal-massa u mhux bl-irresponsabbiltà ta’ ħaddieħor li semma li fi tliet xhur jibda dan il-proġett massiċċ. Dr Abela semma wkoll it-trasport bil-baħar u t-triq ’il quddiem biex tinħareġ il-konċessjoni ġdida wara li se tagħlaq dik preżenti dwar it-trasport pubbliku.
Il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb ukoll fuq il-qasam artistiku u rrefera għall-kummenti insensittivi iżda rrimarka li l-Ministru Malcolm Paul Agius Galea huwa persuna ġenwina u jaf li mgħobbi b’responsabbiltà biex il-fiduċja li xxelfet issa jaħdem bis-saħħa biex ikompli jimbotta ’l quddiem l-aspirazzjonijiet tal-artisti. Mistoqsi dwar riforma fil-ġurijiet, il-Prim Ministru rrimarka li wieħed irid jirrikonoxxi wkoll it-tempistika ta’ bidla f’sitwazzjoni fejn għandek każijiet li jkun sub-judice. Qal li riforma ma tistax tħares lejha minn verdetti u rrimarka li allaħares ikollna dubju mill-ħila tal-poplu li kellek minn fost minnu li kien ġurija tal-fatt.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm l-intervista fejn saħaq li għandna pajjiż li f’ċirkostanzi ta’ sfidi internazzjonali madwarna, il-pajjiż qed jagħti super bonus, tax cut li tirdoppja għall-ħaddiema ġenituri u kompla jagħti s-sussidju. Qal li hu jkompli jħares ’il quddiem għal aktar ħidma biex il-manifest elettorali ambizzjuż li għandu l-Gvern iwettqu kollu favur il-familji Maltin u Għawdxin.
