Rappreżentanza Parlamentari għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi? ”għandu jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni magħhom”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Inħallsu t-taxxi bħal ħaddiema oħrajn. Nikkontribwixxu għal ħaddiema oħra. Hawn minna li ilhom snin jgħixu hawn. M’għandniex niġu kkonsultati? M’għandux ikollna xi tip ta’ rappreżentanza fil-Parlament? Mhux qed ngħid li għandu jkollna dritt tal-vot imma xi tip ta’ rappreżentanza fejn issir konsultazzjoni magħna”. 

Dan sostnieh ma’ IT-TORĊA ħaddiem minn pajjiż terz, meta tkellem magħna dwar il-bżonn li ħaddiema barranin ikollhom xi tip ta’ rappreżentanza biex issir konsultazzjoni magħhom.  Saħaq li “irrid nerġa’ nagħmilha ċara li dak li qed ngħid jien hu l-prinċipju li tqajjem minn żmien għal żmien f’pajjiżi oħra fosthom l-Istati Uniti snin twal ilu – dak ta’ li  ‘m’għandux ikun hemm taxxi mingħajr ma l-poplu jkollu vuċi fir-rappreżentanza tiegħu.”

Rappreżentanza politika hi impossibbli bil-liġi Maltija…nifhem li għandu jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni

IT-TORĊA tkellmet ma’ l-eks Speaker Anġlu Farrugia dwar jekk iħossx li ħaddiema minn pajjiżi terzi għandu jkollhom xi tip ta’ rappreżentanza fil-Parlament.

L-eks Speaker Anġlu Farrugia meta kkummenta ma’ IT-TORĊA iddikjara li “forma ta’ rappreżentanza politika hi impossibbli skont il-liġi elettorali Maltija u Kostituzzjonali ta’ Malta għax trid tkun ċittadin Malti biex ikollok rappreżentanza fil-Parlament. Imma nifhem li hu fatt importanti dak li qed tgħid li ħaddiema minn pajjiżi terzi, li jkunu ilhom hawn snin u ovvjament ikunu qed jikkontribwixxu fil-komunità bit-taxxi li jħallsu u bix-xogħol tagħhom u nifhem li għandu jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni magħhom u mal-organizazzjonijiet fis-sens li hemm il-Kumitat Parlamentari, proprjament hemm tnejn Kumitati Parlamentari li wieħed jista’ ikun hemm konsultazzjoni ma’ dawn il-persuni jew gruppi li jirrappreżentawhom. Hemm il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u Affarijiet Familjari. Hemmhekk naħseb li jkunu diġa qegħdin jagħtu ħafna meta wieħed jisma’,  jikkonsulta u jħejji l-aħjar politika għal dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi”, sostna l-eks Speaker Anġlu Farrugia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport