Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Andy Burnham huwa ottimist u jemmen li jista jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea, li mjhux biss ikiun ta’ benefiċċju għaż-żżewġ naħat imma wkoll li jkun aktar qrib il-Brexit li n-nies ħasbu li kienu qed jivvutaw għalih fl-2016.
Il-prim ministru qed jikkonsidra rabtiet aktar mill-qrib mal-blokk Ewropew u huwa mistenni li jiffirma ftehimiet ġodda dwar l-ikel, l-enerġija u l-mobilità taż-żgħażagħ f’summit bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea fi ftit tal-jiem oħra, preċiżament fl-20 ta’ dan ix-xahar.
Wara li ltaqa’ mal-mexxejja Ewropej fl-Irlanda nhar il-Ħamis, Burnham qal li jittama li ftehim jista’ jgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet u tingħata spinta lill-ekonomija tar-Renju Unit. Il-Konservattivi kkritikaw lill-Partit Laburista għax qalu li qed “iqarreb lejn l-Unjoni Ewropea u qed jgħaddi mill-bieb ta’ wara.”.
Filwaqt li Andy Burnham sostna li Brexit għamlet aktar ħsara milli ġid lill-pajjiż, huwa eskluda bidliet kbar fir-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-manifest tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali tal-2024 wiegħed li mhux se jkun hemm ritorn għas-suq uniku, l-unjoni doganali, jew il-libertà tal-moviment, u Burnham impenja ruħu favur dan. Il-manifest stqarr ukoll li l-partit Laburista jrid “jagħmel Brexit taħdem” u jfassal mill-ġdid ir-relazzjoni tar-Renju Unit mal-UE.
F’Mejju tal-2025, l-eks Prim Ministru Sir Keir Starmer laħaq ftehim li jkopri s-sajd, il-kummerċ u oqsma oħra; fis-summit ta’ dawn il-jiem, il-gvern tar-Renju Unit se jfittex li jilħaq qbil dwar bidliet ulterjuri.
Burnham għamilha ċara wkoll li se jeżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażliet għar-relazzjoni fit-tul tar-Renju Unit mal-blokk Ewropew.
Qabel is-summit, ir-Renju Unit u l-UE qablu fuq abbozz ta’ ftehim dwar it-tneħħija tal-kontrolli ta’ wara Brexit fuq l-esportazzjonijiet tal-ikel u l-agrikoltura.
Ġew iċċirkolati fost in-nazzjonijiet tal-UE wkoll abbozzi simili għal ftehimiet dwar l-iskambju tal-emissjonijiet u skema għaż-żgħażagħ biex jivvjaġġaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom.
Bħala riżultat ta’ dan il-ftehim, il-gvern isostni li l-ekonomija tar-Renju Unit, maż-żmien, se tgawdi, minn benefiċċji annwali li jammontaw għal £5.1 biljun.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-partit Liberali Demokratiku ddeskriva l-abbozz tal-ftehim bħala “soluzzjoni temporanja u mhux soluzzjoni reali”, u qal li “s-soluzzjoni vera hija li l-pajjiż jerġa’ jingħaqad mas-suq uniku u jistabbilixxi unjoni doganali mal-Unjoni Ewropea”.
Min-naħa l-oħra, Reform UK temmen li wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-Brexit kien li l-r-Renju Unit m’għadx għandha għalfejn “jimxi ma’ regoli stupidi tal-UE”, u li kwalunkwe forma ta’ allinjament tista’ tħalli impatt negattiv fuq il-politika kummerċjali tal-pajjiż.
Il-Partit tal-Ħodor appella biex ir-Renju Unit jerġa’ jingħaqad mal-unjoni doganali, bil-mexxej Zack Polanski jiddikjara li “sħubija sħiħa fl-UE tibqa’ l-aħjar għażla għar-Renju Unit”.




