Thursday, May 8, 2025

Dan kien staġun li żgur se jibqa’ f’qalbi għal dejjem – Britney Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Jien minn dejjem kont sportiva u fil-fatt kont pruvajt diversi sports oħrajn, fostom it-tennis u l-athletics għalkemm imbagħad darba minnhom il-ġenituri tiegħi Dorothy u Pablo kienu ħadu lili u lil oħti Iona Agius f’ċentru tal-basketball minn eta’ verament żgħira mal-Hibernians. Minn dakinhar ‘l quddiem l-imħabba lejn dan l-isport kompliet tikber.

X’tikkummenta fuq il-kampjonat tagħkom matul dan l-istaġun?

Dan kien stagun li żgur se jibqa’ f’qalbi għal dejjem. Nemmen li l-iskwadra, mmexxiha mill-kowċ, Adrian Baldacchino, kienet waħda magħquda mmens, kemm fuq il-court tal-basketball, kif ukoll barra minnu. Nemmen li konna tim li dejjem għamilna l-almu kollu tagħna u ħdimna biex dejjem nagħtu l-mija fil-mija tagħna. Madankollu, bħal kollox, dejjem hemm fejn tista’ titjieb, u għalhekk, aħna ninsabu determinati biex inkomplu ntejbu l-iskwadra, ħalli jekk Alla jrid, nippreparaw għall-istaġun li ġej.

Iddeskrivi l-esperjenzi li kellek fil-basketball qabel ingħaqadt ma’ Athleta.

Jien kont ilni 16-il sena nilgħab il-basketball ma’ Hibernians, it-tim li bdejt miegħu. Kelli ħafna kowċis fosthom Nathalie Farrugia u Winnie Farrugia. Lgħabt ma’ Hibernians f’kull kategorija fejn irbaħna bosta unuri kważi f’kull kategorija. Jien ukoll irrappreżentajt lil Malta f’diversi tornej kif ukoll fil-kompetizzjonjiet prinċipali tal-FIBA. Bażikament nista’ ngħid li kull staġun kien fih diversi esperjenzi sbieħ li għenuni nikber personalment u li ħa nibqa’ niftakar għomri kollu. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lil ommi, missieri u lil oħti talli dejjem tawni s-sapport meħtieġ tul ħajti, kull esperjenza li bdejt naffaċċja inklużi esperjenzi li ltqajt magħhom fil-karriera tiegħi tal-basketball.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-basketball?

Hija esperjenza indeskrivibbli. Huwa ta’ unur kbir li tifforma parti mit-tim nazzjonali u li tkun qed tirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali. Hija ħaġa sabiħa ħafna, li plejers minn klabbs differenti jingħaqdu flimkien sabiex nirrapreżentaw lil pajjiżna. Barra minn hekk, id-dinamika tat-tim u l-esperjenzi li kellna flimkien, taħt it-tmexxija tal-kowċ, Sandro Farrugia, kienet waħda tal-ġenn. Kienet esperjenza sabiħa ħafna, fejn irbaħna flimkien u ġibna unur għal Malta, u kien ta’ unur għalija wkoll li mmexxi lit-tim nazzjonali bħala captain, fis-snin 2017 u 2019.

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek s’issa?

Flimkien ma’ Hibernians irbaħt diversi unuri fil-kategorija ta’ taħt l-14-il sena, 16-il sena u 19-il sena wkoll. Magħhom inżid ukoll bosta unuri mat-tim tal-kbar. Barra minn hekk meta tlajt nirrappreżenta lil Malta fil-kompetizzjoi tal-FIBA fis-snin 2016, 2017, 2018 u 2019 kien ta’ unur kbir għalija. Barra minn hekk, dejjem niżżilna xi midalja magħna speċjalment kull darba li kkompetejna. Irnexxielna wkoll nirbħu t-trofew tal-Fair Play fejn ġiet ippreżentata lili bħala captain tat-tim Malti.

X’tikkummenta fuq il-court f’Ta’ Qali fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-court huwa wieħed ta’ livell internazzjonali u li jagħtina l-faċilita’ sabiex bħala plejers tal-basketball inkunu nistgħu nilagħbu l-isport tant għal qalbna.

Kif tqis il-livell tal-basketball f’pajjiżna?

Il-livell ta’ pajjiżna hu wieħed għoli għalkemm dejjem hemm lok li jkun ta’ livell ogħla.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-basketball, ninkoraġġihom ħafna sabiex jibqgħu jittrenjaw, jagħmlu l-almu kollu tagħhom, u ma jaqtgħu qalbhom qatt. Il-basketball, apparti li huwa sport, li jgħinek tibqa’ attiv fizikament, jgħinek taqta’ naqra mill-ħajja ta’ kuljum, u jrawwimlek ċerti valuri soda li jgħinuk għall-ħajja ta’ kuljum, u barra minn hekk, jagħtik l-opportunitá li tiltaqa’ ma’ ħafna nies ġodda u tkun parti minn komunitá sabiħa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport