Monday, December 30, 2024

Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà b’azzjoni legali kontra l-PN

Aqra wkoll

L-Avukati u kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà ħadu azzjoni legali kontra l-Partit Nazzjonalista wara li dan ma ppubblikax il-kontijiet tiegħu kif inhu obbligat li jagħmel skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Fi protest ġudizzarju ffirmat mill-Avukat Ishmael Psaila, Attard u Vella Gafà saħqu li skont Kapitolu 544 tal-Liġijiet ta’ Malta, it-teżorier ta’ Partit Politiku għandu jħejji rapport ta’ donazzjonijiet li fih juri l-ammonti riċevuti minn partit politiku permezz ta’ donazzjoni.

Iżda t-teżorier tal-Partit Nazzjonalista ma ppreżenta ebda rapport għas-snin 2021 u 2022 u għalhekk għandu jiġi ordnat iħallas sa €20,000 f’multa għal kull nuqqas, li f’dan il-każ kapaċi jilħqu €40,000.

Barra minn hekk il-Partit Nazzjonalista wkoll naqas milli jissottometti lill-Kummissjoni Elettorali, il-kontijiet verifikati għall-istess snin. Nuqqas li għalih skont il-liġi kellha tiġi imposta €10,000 f’multa għal kull sena li fiha il-Partit Nazzjonalista ma ppreżentax il-kontijiet tiegħu, jiġifieri sa €20,000 oħra f’multi addizzjonali.

Minkejja dan kollu, jidher li l-Kummissjoni Elettorali naqset milli teżerċita s-setgħat u l-funzjonijiet tagħha skont il-liġi. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista b’sens ta’ impunità qed jisfida u jonqos milli jonora l-obbligi tiegħu skont il-liġi, l-istess liġi li tara li jkun hemm trasparenza u kontabbiltà fil-mod kif jiġu ffinanzjati l-partiti politiċi u li Gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma riedu jdaħħlu fis-seħħ.

Dr Daniel Attard u Dr Marija Sara Vella Gafà għalhekk talbu lill-Kummissjoni Elettorali biex tipproċedi skont il-liġi, tieħu azzjoni minnufih u tordna lill-Partit Nazzjonalista biex jippreżenta l-kontijiet tiegħu u timponi il-multi imposti mil-liġi li ­flimkien jistgħu jilħqu s-€60,000.

F’kummenti lit-Torċa, l-Avukati Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà tennew li dan huwa eżempju ieħor ċar fejn il-Partit Nazzjonalista li jemmen u jaħseb li hu anki ‘l fuq mil-liġi, jikkritika u jmaqdar biss fejn jaqbel lilu u ma jarax jew anzi lanqas biss jirrikonoxxi n-nuqqasijiet tiegħu. Dan huwa kollu frott l-arroganza ta’ dawk li qed imexxu lil dan il-Partit li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed tonqoslu l-kredibilità u l-fiduċja tal-poplu.

Ekonomija

Sport