Friday, May 3, 2024

Darts: Floriana Ajax X Clean jirritornaw għar-rebħ 

Aqra wkoll

Floriana Ajax X Clean kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tad-Darts wara li għelbu lil Sliema Inter Darts Club 7-1. 

Il-Furjaniżi kienu determinati li jirritornaw għar-rebħ wara ż-żelqa tal-ġimgħa l-oħra kontra Fgura Kenky. Huma stablixxew vantaġġ ta’ ħames punti sabiex dan kollu witta t-triq għal tliet punti ferm importanti.  

Fl-aktar konfront mistenni tal-ġurnata, Ħamrun Bayern A u Fgura Kenky temmew il-logħba ta’ bejniethom fi draw ta’ 4-4.  

Kif jindika l-iskor, il-logħba kienet waħda bilanċjata bil-Fgurin li kienu minn fuq iżda bil-Ħamruniżi li anke 4-2 minn taħt, għarfu jġibu l-iskor indaqs sabiex ħadu punt minn dan il-konfront.  

Top Gun kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Ħamrun Bayern B 5-3 filwaqt li Education Bar komplew iżommu l-pass ma’ ta’ fuq hekk kif għelbu lil Manchester Conquest Pub 6-2.  

Fit-tieni diviżjoni, kien hemm il-konfront dirett għar-rebħ tal-kampjonat bejn PO’s Bar u Birżebbuġa Lions li spiċċa bl-iskor ta’ 4-4. B’dan ir-riżultat il-Lions baqgħu jgawdu żewġ punti vantaġġ fuq il-Gudjani.  

Fgura Maypole għelbu lil Cox Bar 6-2 filwaqt li Beland kisbu skor pożittiv ta’ 5-3 kontra Mqabba tal-Ġilju.  

Fit-tielet diviżjoni, Domus Żejtun saħħew it-tieni post tal-klassifika hekk kif għelbu lil Leah’s Bar 5-3 b’Żebbuġ Rangers u Duke’s A jiksbu rebħiet identiċi ta’ 7-1 kontra Duke’s B u Mqabba tal-Ġilju rispettivament.  

Sport