Wednesday, July 24, 2024

Debutt kuntrastanti għat-timijiet Maltin tal-hockey

Aqra wkoll

Iż-żewġ timijiet Maltin impenjati fil-kompetizzjonijiet tal-Euro Hockey kellhom debutt kuntrastanti fil-logħbiet li lagħbu f’Ġibilta’.

Qormi Daikin kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra HC Luxembourg. Minkejja l-iskor pożittiv, ma kinitx logħba faċli għall-Qriema bit-tim minn Lussemburgu li beda jtella’ diversi kontrattakki iżda d-difiża Maltija żammet sod.

Min-naħa tagħhom, Qormi kkontrollaw tajjeb u rnexxielhom jiskorjaw darbtejn bl-eroj tagħhom ikun Luke Bajada li kien awtur ta’ doppjetta.

Mill-banda l-oħra Floriana sfaw megħluba kontra t-tim ospitu ta’ Eagles HC 6-1. Dawn tal-aħħar kienu dominanti tul il-logħba kollha tant li sa tmiem it-tielet quarter kienu diġa’ 4-0 minn fuq. Għalkemm il-Greens naqqsu l-marġni tal-iskor, it-tim minn Ġibilta’ skorja żewġ gowls oħra li tawhom l-ewwel punti tat-tournament.

Kyle Davis skorja doppjetta filwaqt li Julian Lopez, Leigh Dobinson, Daniel Cornelio u Stefan Rodriguez żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Mark Camilleri skorja l-uniku gowl għal Floriana.

Illum tintlagħab it-tieni ġurnata hekk kif fid-9.30 am, Qormi jilagħbu kontra Ginstrekte tal-Litwanja filwaqt li Floriana Young Stars jaffaċċjaw lin-Norveġiżi ta’ Furuset bil-logħba tibda fis-2.30pm.

Ekonomija

Sport