Saturday, December 21, 2024

Deputat Mexxej Laburista

Aqra wkoll

Ftit jiem wara l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju li għadda, il-Perit Daniel Micallef, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit irriżenja mill-kariga. Għadu jaqdi d-dmirijiet li ġġorr magħha din il-kariga temporanjament sakemm jinħatar Deputat Mexxej ieħor. Jidher li l-proċess għal dan il-għan flimkien ma’ ħatriet oħrajn se jsiru f’Settembru li ġej. Din il-kariga ma tistax tkun okkupata minn xi membru

tal-Grupp Parlamentari, għalkemm kien hemm żmien li kienet hekk okkupata.
Kariga li tfakkarni fl-unika darba li indirizzajt Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Attwalment Konferenza Ġenerali Straordinarja li kienet saret fil-bidu ta’ Frar 2016. Sa dak iż-żmien kien jokkupa din il-kariga l-Avukat Toni Abela, illum Imħallef, li ma kienx Membru Parlamentari. Fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja imsemmija kienet tressqet mozzjoni biex ikun emendat l-istatut tal-Partit Laburista u li kienet taħseb biex jagħmilha possibbli li l-kariga tkun tista’ tkun okkupata wkoll minn xi membru tal-Grupp Parlamentari. Kont l-uniku delegat tal-Konferenza li tkellimt kontra u tajt ir-raġunijiet għal dan.

Niftakar ukoll li l-eks-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat fid-diskors tiegħu fuq il-mozzjoni qabel din tressqet għall-vot kien irrefera għall-intervent tiegħi b’mod speċifiku. Spjega li fehem l-intenzjonijiet tiegħi u ovvjament trattahom u qal għala ma kienx jaqbel magħhom. Mhux ma’ kollha. Meta l-mozzjoni ġiet għall-vot jien kont l-uniku delegat li vvotajt kontra. Kien hemm 393 vot favur il-mozzjoni u wieħed kontra, jien. Il-mozzjoni għaddiet u sussegwentement kien inħatar Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit l-eks-Ministru Konrad Mizzi.

Għal raġunijiet magħrufin l-eks-Ministru Konrad Mizzi rriżenja minn din il-kariga wara ftit żmien u floku kien inħatar l-eks-Ministru Chris Cardona, li dam f’din il-kariga sa Ġunju 2020, meta rriżenja minnha. Jekk m’inix żbaljat f’Lulju ta’ wara saret Konferenza Ġenerali Straordinarja oħra li fiha l-istatut tal-Partit Laburista reġa’ ġie emendat biex il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit terġa’ tmur għal dak li kienet sas-sena 2016, jiġifieri li ma tistax tkun okkupata minn xi membru tal-Grupp Parlamentari. Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja kienet ħatret lill-Perit Daniel Micallef biex jokkupa din il-kariga. U naħseb li dakinhar il-Partit Laburista kien għamel sew li reġa’ mar lura għal kif kien fis-sena 2016 f’dan ir-rigward.

Ngħid għala naħseb u nemmen hekk. Kariga bħal dik titlob impenn qawwi. Primarjament affarijiet tal-partit mhux bilfors ikunu affarijiet ta’ Gvern meta l-partit ikun fil-gvern u lanqas ma jkunu affarijiet tal-Oppożizzjoni meta jkun fl-Oppożizzjoni. Nemmen li d-distinzjoni trid tinżamm. Distinzjoni netta. U allura naraha stramba li individwu jokkupa ż-żewġ karigi fl-istess ħin, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Ministru jew Membru Parlamentari. Ara l-kariga l-oħra, dik ta’ Deputat Mexxej għal Affarijiet tal-Parlament, dik naraha fl-istess linja. Anzi nemmen li hekk għandu jkun.

Imma lura għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. U nerġa’ nagħmel ftit punti milli kont għamilt fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-2016. Kont enfasizzajt li trid tqis kemm xogħol ikollu Membru Parlamentari, u aktar u aktar Ministru, fil-qadi ta’ dmirijiethom abbażi ta’ kariga jew oħra, kif ukoll il-fatt li dawn, aktar u aktar Membru Parlamentari, m’għandhomx staff apposta biex jgħinuhom f’riċerki u xogħol ieħor konnessi ma’ ħidma Parlamentari. Kollox iridu jagħmlu huma. Forsi għad jasal żmien meta din iċ-ċirkostanza tinbidel, u nemmen li jkun sewwa li tinbidel, imma llum dik hija s-sitwazzjoni.

Nara ħidmet id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ffukata primarjament fl-għeruq tal-partit. Ħidma mal-kumitati lokali u distrettwali. Ħidma mal-membri tesserati. Ħidma mad-delegati. Ħidma ma’ Sindki u kunsillieri f’kunsilli b’maġġoranza Laburista. Ħidma ma’ kunsillieri li jiffurmaw parti minn kunsilli lokali b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista. Ħidma fost dawk li jikkontribwixxu kemm fil-qasam ġurnalistiku tal-partit kif ukoll fil-programmi kemm radjufoniċi kif ukoll televiżivi fuq l-istazzjonijiet ONE. Ħidma fost u ma’ dawk li jirrappreżentaw lill-Partit fi programmi ta’ diskussjoni. Ħidma fost il-friegħi diversi tal-partit. Ħidma u laqgħat regolari fuq bażi distrettwali għal smigħ ta’ ilmenti.

Mhux qed ngħid li dan t’hawn fuq ma sarx jew ma jsirx, jew x’inhi l-frekwenza tiegħu. Imma ddejjaqni per eżempju l-ferneżija tal-aħħar ġimgħat qabel KULL elezzjoni. Ma jidhirlix li għandu jkun hemm tali sitwazzjoni. Jekk taħdem is-sena kollha m’għandux ikun hemm dik il-ferneżija. Ma jidhirlix li huwa sewwa li għal dawk il-ftit ġimgħat KOLLOX ISIR POSSIBBLI imma mbagħad kważi kollox itir mar-riħ L-GĦADA tal-elezzjoni.

Meta nirrifletti fuq dan kollu ma narahx li jkun umanament possibbli għal Membru Parlamentari/Ministru li jlaħħaq ma’ dan kollu apparti x-xogħol tal-kariga. U meta niġu għall-elezzjoni? X’se jagħmel l-individwu konċernat? Ċertament li jrid jaħdem għalih personali l-ewwel biex iżomm postu u MBAGĦAD jaħdem għall-partit. U allura dan mhux żvantaġġ għall-partit bħala partit?

U la qiegħed fiż-żifna: appell lil min se jkun f’din il-kariga. Nistiednek tara kemm kien hemm min ma ġeddidx it-tessera, ngħidu aħna tul dawn l-aħħar ħames snin. Kemm kien hemm tesseri li ntbagħtu lura. Sarx kuntatt jew le ma’ dawk Ii ma ġeddewx it-tessera jew li bagħtuha lura. Ċertament li xi raġuni kien hemm. Qed insemmi biss żewġ ċirkostanzi Ii naf li seħħew u li urtaw bil-kbir lil Laburisti ġenwini.

Nistiednu wkoll, jew nistedinha, jitlob li jkun ikkuntattjat minn dawk li fil-jiem/sigħat ta’ qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda twegħdu li l-ilmenti tagħhom, li ovvjament min jaf kemm kienu ilhom iqajmuhom, se jkunu mismugħa u meta JIEM BISS wara ppruvaw jaraw fejn wasal il-każ tagħhom sabu widnejn torox.

F’idejk għażiż/a Deputat Mexxej tal-Partit għall-Affarijiet tal-Partit li se tinħatar f’Settembru li ġej.

[email protected]

Ekonomija

Sport