Raġel inqatel fi protesti rivali organizzati mil-lemin u x-xellug estrem f’Denver. Rapporti fil-midja lokali jgħidu li l-vittma kien qed jieħu sehem fil-protesta “Patriot Rally” li kienet organizzata mid-dimostranti tal-lemin.
Il-Pulizija qalu li kienu arrestaw raġel b’rabta ma’ dan il-qtil. Ir-raġel huwa mifhum li huwa gwardjan tas-sigurtà privat li ma kellu l-ebda konnessjoni mad-dimostranti xellugin.
Stazzjon televiżiv ta’ Denver qal li kien kera s-servizzi tas-suspettat biex jipproteġi lill-impjegati tiegħu. Il-Pulizija għad iridu jikkonfermaw dan.
Ritratti ppubblikati mill-ġurnal Denver Post jidhru jaqbdu l-mument tal-konfrontazzjoni bejn il-vittma u l-gwardjan tas-sigurtà, bid-dimostrat allegatament jidher jagħti daqqiet lill-gwardjan u jisprejalu pepper spray qabel ma l-gwardjan spara tiri ta’ arma tan-nar fil-konfront tiegħu.
Il-Pulizija ta’ Denver qalu li kienu rkupraw żewġ armi tan-nar minn fuq ix-xena tar-reat, u raġel qed jinżamm fil-kustodja tal-pulizija.