“Din hija gidba”

- Vincent Marmara

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar sigħat fuq il-midja soċjali ħarġu dettalji dwar stħarriġ li sar qabel am beda l-ġuri ta’ Yorgen Fenech fejn ġie allegat li kienu saru xi mistoqsijiet lil persuni li kienu fuq il-lista tal-ġurija, il-Professur Vincent Marmara ħareġ stqarrija fejn spjega fid-dettall ta’ dak li ġara.

Vincent Marmara jgħid li “fis-sigħat li għaddew saru dikjarazzjonijiet skorretti fil-konfront tiegħi, li mhux se nittollera li jibqgħu mhux indirizzati.

1. Intqal li fl-istħarriġ ġew immirati persuni li kienu fuq il-lista tal-ġurati għas-sena 2026. Din hija GIDBA. Li kieku nstab li dan kien minnu, żgur li kienu jittieħdu l-passi meħtieġa mill-awtoritajiet, xi ħaġa li ma seħħitx. Fil-fatt, dak li qed ngħid ġie vverifikat ukoll mill-awtoritajiet rilevanti.

In-numri użati fis-survey ġew iġġenerati u magħżula permezz ta’ random number generator. Dan ifisser li s-software jiġġenera numri b’mod kompletament random, li jikkonsistu fi tmien figuri.

Fi kliem sempliċi, is-software intalab jiġġenera lista ta’ numri at random ta’ tmien figuri, li huwa l-għadd ta’ figuri li jikkonsistu fihom in-numri tat-telefon/mobajl f’Malta. Tant il-proċess sar b’mod random u ma immirax l-ebda sezzjoni parikolari tal-popolazzjoni Maltija li ammont konsiderevoli min-numri ġġenerati rriżulta li ma kienx jikkorrispondi ma’ numri tat-telefon jew mobile eżistenti. Fl-aħħar mill-aħħar, kull individwu li jiġi kkuntattjat huwa kompletament liberu li jagħżel jekk jixtieqx jieħu sehem u jwieġeb għall-istħarriġ jew le, kif fil-fatt ġara wkoll f’din ir-riċerka.

Ir-riċerka li nagħmel jien qatt ma titfassal jew titwettaq b’mod li jwassal għall-identifikazzjoni ta’ xi individwu. Anzi, kull statistika jew informazzjoni li ngħaddi lill-klijenti tiegħi tiġi ppreżentata biss f’format aggregat (aggregated format).

2. Intqal li jien użajt isem ta’ kumpanija u individwu ieħor sabiex inqarraq bin-nies li kienu qed jiġu kkuntattjati. Din hija GIDBA ghaliex jien qatt ma nuża ismijiet ta’ individwi oħra jew kumpaniji ta’ ħaddieħor.

Ricerki bħal dawn dwar proċessi kriminali isiru madwar id-dinja. Hija prassi normali.

Ovvjament, jien limitat f’dak li nista’ ngħid, peress li l-materja hija marbuta bis-sigriet fuq ordni tal-Qorti. Fil-fatt, madwar tliet xhur ilu diġà pprovdejt lill-awtoritajiet bl-informazzjoni kollha li ntalbet minni.

Ir-riċerka m’għandhiex uċuħ. Din hija l-professjoni tiegħi, li noffri lil kulħadd, mibnija fuq l-indipendenza, l-oġġettività, l-etika u l-metodu xjentifiku. Dawn huma l-prinċipji li ggwidawni fil-ħidma tiegħi sal-lum u li se jkomplu jiggwidawni fil-futur.

Filwaqt li nirrikonoxxi d-dritt tal-pubbliku inġenerali li jikkummenta dwar dak li seħħ, nappella biex min jikkummenta jillimita ruħu għall-fatti fil-kummenti tiegħu

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport