Malta tiddefendi t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’kunsens bħala l-aħjar tweġiba tal-Ewropa għal dinja dejjem aktar inċerta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne qal li Malta se tkompli tiddefendi d-dritt tagħha li jkollha vuċi sħiħa u ugwali fil-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Huwa sostna li, quddiem dinja dejjem aktar inċerta, l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi flimkien, u mhux iddgħajjef ir-rwol tal-Istati Membri tagħha.

“L-Ewropa tkun l-aktar b’saħħitha meta taġixxi flimkien,” qal il-Ministru Fearne waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Gymnich, li saret fl-Irlanda taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

“L-għażla tagħna m’għandhiex tkun bejn l-għaqda u l-ħeffa. Irridu norganizzaw ruħna b’mod li nilħqu l-għaqda aktar kmieni u mbagħad naġixxu aktar malajr,” qal il-Ministru Fearne. F’dan il-kuntest, huwa sostna li l-Unjoni Ewropea għandha ttejjeb il-mod kif jinbnew pożizzjonijiet komuni, permezz ta’ impenn politiku fi stadju aktar bikri, direzzjoni strateġika aktar ċara u azzjoni aktar rapida ladarba jintlaħaq qbil.

F’ambjent internazzjonali dejjem aktar frammentat, l-Ewropa tkun aktar b’saħħitha meta l-Istati Membri tagħha jingħaqdu wara pożizzjoni komuni li tkun tista’ titwassal b’saħħa u kredibbiltà fix-xena internazzjonali.

“L-Ewropa li trid Malta hija waħda li taġixxi aktar malajr għax tipprepara minn qabel, li tkun aktar b’saħħitha għax taġixxi flimkien, u aktar kredibbli għax kull Stat Membru jkun jista’ jagħraf lilu nnifsu fil-pożizzjoni li tittieħed f’ismu,” qal il-Ministru Fearne.

Il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn saħaq li l-kredibbiltà tal-Ewropa tiddependi fuq kemm tiddefendi b’mod konsistenti d-dritt internazzjonali. Huwa tenna mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea l-pożizzjoni ta’ Malta favur azzjoni Ewropea li tirrestrinġi l-kummerċ ta’ prodotti li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani illegali.

“Jekk is-soluzzjoni ta’ żewġ stati hija tassew l-għan komuni tagħna, għandna nkunu kapaċi nitkellmu b’vuċi waħda meta dak li jkun qed iseħħ fuq il-post ikun qed jhedded direttament il-possibbiltà li din is-soluzzjoni ssir realtà,” temm jgħid il-Ministru Fearne.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport