Il-PN jiddefendi espert li ħa €11-il miljun u ħarab

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg qed ikompli jiddefendi esperti fl-inkjesta Vitals li matul l-aħħar xhur tqajjmu dubji serjissimi dwarhom. Wara li fil-ġimgħat li għaddew ħareġ għonqu għas-Serba Miroslava Milenovic, issa ħareħ jaqbeż għall-Irlandiż Jeremy Harbinson. Fil-gazzetta tieghu ll-Mument  ta’ bħal-lum ġimgħa l-Partit Nazzjonalista iġġustifika l-fatt li Harbinson baqa’ qatt sal-lum ma xehed fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti. 

Tħallas €11-il miljun

Waqt li kien qiegħed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals bħala l-espert ewlieni, Harbinson kien jiġi Malta ta’ spiss fejn anki kien joqgħod f’lukandi lussużi, imħallsin minn fondi pubbliċi, u kien ikollu laqgħat mal-Maġistrat Gabriella Vella li ħatritu bħala espert. L-inkjesta damet għaddeja ħames snin u kienet ippublikata lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena 2024. Fuq il-bażi tagħha inħarġu sensiela ta’ akkuzi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Wara li Harbinson tħallas €11-il miljun għar-rapport tal-inkjesta Il-Mument ħarġet titkaża għax huwa u Milenovic spiċċaw taħt il-lenti. Wara li tħallas l-Irlandiż xolja l-kumpanija tiegħu, ċeda l-licenzja ta’ ‘accountant forensiku’ u għal iktar minn sentejn, injora t-talbiet kollha li sarulu mill-Qorti sabiex jixhed dwar ir-rapport li tħejja minnu stess. F’jum San Pawl fi Frar 2025, Harbinson ppreżenta affidavit li fil-Qorti fejn kien iddikjara li ma kien se jiġi qatt iktar lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti. 

Fl-affidavit Harbinson kien qal li r-rapport li hejja qatt ma semma’ akkużi kriminali u ‘freezing orders’ u żied li fuq din il-bażi, huwa m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi li inħarġu wara l-inkjesta. Ftit iktar minn xahar minn meta bdew il-proċeduri kriminali fil-Qorti, f’Lulju 2024 kien sar kuntatt ma’ Harbinson mill-Qorti Maltija sabiex jassisti iżda huwa wieġeb li ma kienx disponibbli biex ikun involut iktar. Kien saħaq li huwa ma kellu ebda obbligu kuntrattwali biex jipprovdi iktar assistenza. 

Raġunijiet infondati

L-Irlandiż kien żied li matul l-inkjesta ħadd ma indikalu li wara li kien se jintemm il-kuntratt li kellu, kien se jintalab jipprovdi s-servizz tiegħu mingħajr ħlas. Dan għalih kien inaċċettabli.  Fl-affidavit Harbinson saħaq li kien jistenna li jekk mill-inkjesta kien se jirriżulta li kien hemm il-ħtieħa li jinbdew proċeduri kriminali, il-Pulizija u l-prosekuturi f’Malta kellhom jikkonsultawh u għal dan ix-xogħol kienu jitfasslu kuntratti kummerċjali ġodda. 

Fl-affidavit semma żewġ raġunijiet li minħabba fihom ma riedx li jkun involut fil-proċeduri li għaddejin. Qal li qatt mhu se jiġi lura Malta għax qiegħed jibża’ għas-sigurtà tiegħu. Imbagħad żeffen dik li isejjaħ bħala l-kundizzjoni medika serjissima ta’ martu. Tlett ijiem wara l-Qorti kienet qalet li fl-affidavit Harbinson kien qal ħafna affarijiet li ma kellux raġun fuqhom. F’Diċembru tas-sena l-oħra imbagħad l-istess Qorti kienet qalet li tqis li dawn ir-raġunijiet huma infondati u bl-ebda mod ma jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li ma jixhidx. 

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ kummenti li Il-Mument qal li ħa ta’ ‘espert legali’ li qatt ma kien identifikat, akkuża lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat li qed jintimida lill-esperti fl-inkjesta Vitals u huwa għalhekk li l-istess esperti qed joqogħdu lura. F’Malta, l-avukat ta’ Harbinson u ta’ Milenovic huwa Peter Fenech li qabel is-sena 2013 ingħata ħafna karigi u konsulenzi minn gvernijiet Nazzjonalisti, kien Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN u anki ilu 15-il sena bħala rappreżentant tal-PN fl-Awtorità tax-Xandir.

L-akkuża falza ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-eks Prim Ministru saret wara li huwa fetaħ proċeduri li permezz tagħhom l-Accountancy Board ikkonferma li s-Serba Miroslava Milenovic qatt ma kellha l-kwalifiċi u l-warrant neċessarji biex setgħet taħdem ta’ forensic accountant f’Malta, kif fil-fatt għamlet fl-inkjesta Vitals, 

Sentejn jinjora lill-Qorti

Ironikament l-‘espert legali’ anonimu ta’ Il-Mument tkellem dwar kif kull espert irid jagħti x-xhieda tiegħu mingħajr biża’. Dan meta Jeremy Harbinson, li fi kliem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa xhud indispensabbli, qed jibqa’ jinjora lill-Qorti Maltija wara li l-istess Qorti ilha iktar minn sentejn toffrilu opportunità waħda wara l-oħra bil-għan li kif inhu obbligat li jagħmel, jagħti x-xhieda tiegħu. 

Il-Qorti ma emmnitx l-iskuża ta’ Harbinson dwar is-sigurtà personali tiegħu, tant li f’Jannar tas-sena 2025, mhux biss ma laqgħetx talba sabiex Harbinson jixhed bil-video conference, talli kienet ordnatlu sabiex fi żmien 48 siegha jindika d-dati li fihom kien se jkun disponibbli biex jiġi Malta u jixhed quddiemha. 

L-Irlandiż iżda mhux biss injora lill-Qorti, talli talabha sabiex ma jsirx iktar kuntatt miegħu. Dan ikkonferma kif fil-verità Harbinson ma jridx jixhed u mhux ma jridx jerġa’ jiġi Malta. Il-Qorti kienet qalet li din l-imġieba kienet tikkostitwixxi disprezz lejn l-awtorita’ tagħha.

F’Mejju tas-sena 2025 il-Qorti kellha tirrikonoxxi li l-prospett li Harbinson jiġi Malta biex jixhed volontarjament kien wieħed prattikament ineżistenti u rrimarkat ukoll li l-Irlandiż kien baqa’ ma osservax ordni mogħtija lilu f’Jannar ta’ qabel sabiex jippreżenta dokumenti mediċi li jsostnu l-impossibbilità  tiegħu li jivvjaġġa lejn Malta minħabba l-mard ta’ martu.

Ħadd ma jaf x’sar minnu

Il-Qorti kienet qalet li l-uniku triq realistika biex jinġieb jixhed kienet l-eżekuzzjoni tal-ittri rogatorji. B’dan il-mod l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fir-Renju Unit intalbu jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex l-espert Irlandiz jinġieb quddiemhom u jixhed b’kollegament awdjo-viżwali dirett mal-Qorti f’Malta fil-preżenza tal-akkużati. F’Ottubru tas-sena l-oħra, il-Qorti Maltija kienet anki tat tlett dati sabiex il-Qorti Ingliża tagħżel waħda minnhom bil-għan li tingħata x-xhieda ta’ Harbinson

Ma dan kollu, f’Novembru Harbinson irrifjuta wkoll li jmur jixhed minn Qorti fir-Renju Unit, bil-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq tinforma lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li għaliha dan kien każ magħluq. Eventwalment fil-Qorti kien ħareġ li l-Irlandiż kien ippreżenta 29 invoice fejn talab ħlasijiet ta’ eluf ta’ ewros għal servizzi li suppost saru minn espert partikolari, li minn naħa tiegħu ħalef li qatt ma kien espert u li qatt ma kellu ebda sehem fir-rapport tal-inkjesta.

F’Jannar li għadda imbagħad il-Qorti kellha tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiftaħ investigazzjoni bil-għan li jkun determinat fejn jinsab Harbinson. Ma dan kollu f’seduta waħda wara oħra meta l-Pulizija kienu jintalbu jagħtu aġġornament, dejjem kienu jwieġbu li kienu għadhom ma sabux fejn kien l-Irlandiż. F’dawn iċ-ċikostanzi, f’April li għadda l-Qorti kienet iddeċidiet li tiddiferixxi l-każ għal dan ix-xahar għax kienet qalet li jkun inutli li jibqgħu jsiru seduti b’ħela ta’ ħin għal kulħadd.

F’Lulju,  l-Pulizija kienet qalet li fl-10 ta Mejju, Jeremy Harbinson kien twaqqaf bħala parti minn border check, fl-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam fl-Olanda. Intalab jagħti indirizz fejn jgħix u lill-Pulizija Olandiża għaddilhom indirizz fl-Irlanda ta’ Fuq li l-Qorti Maltija diġa kellha.

Il-Pulizija kienet qalet li ma kinitx taf jekk Harbisnon kienx dieħel jew kienx ħiereġ mill-Olanda u ma kinitx tafx lanqas jekk wara marx f’xi pajjiż ieħor. Aghar minn hekk, kienet għadha ma tafx fejn kien jinsab f’dak il-mument.

Ħa l-miljuni u ħarab

Il-Partit Nazzjonalissta immexxi minn Alex Borg, li tant ilu jilgħabha tal-paladin tar-r’ule of law’, illum tant jinsab maħkum mill-pożi u mit-teatrini, li spiċċa jaqbeż għal persuna li ilu iktar minn sentejn ikasbar u jagħti bis-sieq lill-iktar prinċipji bażiċi tar-‘rule of law’.

Il-PN illum qed ipinġi lil Harbinson bħala vittma ta’ xi intimidazzjoni, meta kif kienet stqarret f’Jannar tas-sena l-oħra l-avukat Gianella DeMarco, Harbinson ħa l-miljuni u ħarab.

Dan huwa l-vera Jeremy Harbinson.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport