Sunday, September 6, 2026
Home Internazzjonali Żbroff ta’ vulkan jaffettwa mijiet ta’ titjiriet fl-ajruport ewlieni tal-Indoneżja

Żbroff ta’ vulkan jaffettwa mijiet ta’ titjiriet fl-ajruport ewlieni tal-Indoneżja

0
50

Żbroff ta’ vulkan affettwa mijiet ta’ titjiriet fl-ajruport internazzjonali ewlieni tal-Indoneżja, bil-konsegwenza li għexieren ta’ eluf ta’ passiġġieri tħallew maqbudin fl-ajruport.

L-awtoritajiet fil-pajjiż qalu li 209 titjira ġew sospiżi wara li rmied mill-Muntanja Anak Krakatoa ntlemaħ fl-ispazju tal-ajru qrib l-Ajruport Internazzjonali Soekarno-Hatta ta’ Jakarta nhar il-Ħadd filgħodu.

Il-vulkan beda jiżbroffa tard il-Ġimgħa filgħaxija u kkawża attività sismika kontinwa filwaqt li nstemgħu ħsejjes qawwija fir-reġjuni tal-madwar. L-awtoritajiet qalu wkoll li kmieni l-Ħadd seħħew żewġ żbroffi oħra.

Minħabba s-sospensjoni tat-titjiriet, ġew affettwati xejn inqas minn 22,000 persuna. 

Il-Ministeru tat-Trasport qal li l-waqfien fl-operat affettwa prinċipalment it-titjiriet lejn u minn Singapore, kif ukoll rotot internazzjonali oħra, fosthom lejn Doha, Sydney u Kuala Lumpur.

L-awtoritajiet ikkonfermaw li m’hemm l-ebda twissija ta’ tsunami marbuta mal-attività riċenti tal-vulkan, li jinsab fl-Istrett ta’ Sunda bejn il-gżejjer ta’ Java u Sumatra.

Il-Ministru tas-Saħħa ħeġġeġ lir-residenti fiż-żoni affettwati sabiex jibqgħu ġewwa u jilbsu l-maskri biex jipproteġu ruħhom minn riskji relatati man-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here