Wara ġuri li dam għal 55 jum, kellna verdett mill-ġurija li Yorgen Fenech ma kienx ħati fuq iż-żewġ akkużi. Il-verdett kien wieħed b’saħħtu ta’ 8 kontra 1. Kien verdett li qajjem diskussjoni u kontroversji.
Smajna ħafna argumenti. Kien hemm min għażel ukoll li joqgħod kwiet u josserva l-passi li kien se jsegwu. Kulħadd hu fil-libertà li jaqbel jew le mal-verdett.
Hi ħasra li għal darba oħra rajna li kien hemm min ipprova jieħu vantaġġ politiku minn dan. Każ daqstant sensittiv, u rajna kif kien hemm min kien pront jipprova jieħu vantaġġ. M’hemmx dubju li huwa perikoluż meta l-politika tipprova tirkeb fuq karru biex tieħu kapital politiku partiġġjan minn każ daqstant sensittiv kif għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Wara l-verdett, il-Qorti fformalizzat il-verdett u tat żewġ ordnijiet partikolari, l-ewwel li kopja tax-xhieda kollha tidħol f’żewġ inkjesti maġisterjali regatta ma’ dan il-każ. It-tieni ordni kienet li kopja tal-istess xhieda tiġi nnotifikata lill-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex jara jekk hemmx terzi persuni li jistgħu jkunu suġġetti għal passi kriminali. U allura quddiem dan, wieħed irid ikun prudenti u jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu.
Issa għadna sitwazzjoni fejn għalkemm, wara ħafna antiċipazzjoni, il-ġuri fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, ġie fi tmiemu, il-każ għadu wieħed miftuħ. Biss, għalkemm wieħed jifhem il-weġgħat tal-qraba u tas-segwaċi tagħha, tkun ħaġa mill-iżjed inġusta meta jintqal li s’issa, fir-rigward ta’ dan il-qtil, ma sar xejn.
Infatti, fir-rigward tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, minbarra li għadu kemm intemm ġuri twil u kumpless, diversi persuni diġà nstabu ħatja u ngħataw sentenzi karċerarji. Wieħed weħel ħmistax-il sena, tnejn minnhom weħlu erbgħin sena, u t-tnejn oħra weħlu sentenzi ta’ għomor il-ħabs. Dan kollu seħħ taħt Gvern Laburista. X’differenza minn żmien Gvernijiet Nazzjonalisti meta la nqabad min kien il-qattiel ta’ Karin Grech u lanqas ta’ Raymond Caruana… anke jekk lura fl-1986, fir-rigward ta’ Grech kien hemm min wiegħdna li ħa jsiru l-investigazzjonijiet bis-serjetà sabiex insiru nafu min kien il-moħħ wara dan il-qtil barbaru, tali wiegħda baqgħet m’avverat ruħha qatt!
Il-punt bażilari dejjem kien, għadu u għandu jibqa’ li ħadd mhu kbir biżżejjed sabiex jiddeċiedi meta għandha tintemm ħajjet ħaddieħor, fis-sens illi dik hija purament prerogattiva tal-Ħallieq. Però, daqstant ieħor m’għandux jintesa l-fatt li l-ħajja ta’ kulħadd hija imprezzabbli ndaqs.
Min-naħa tagħna, nawguraw li ssir ġustizzja mingħajr wisq dewmien. Dan bl-ebda mod m’għandu jiġi interpretat li tali ġustizzja għandha tkun waħda għaġġelija, iżda, jekk xejn, jeħtieġ illi tkun waħda spedita.





