Fi ftit tal-jiem oħra tiftaħ is-sena skolastika 2026-2027 u eluf ta’ tfal fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-gvern, tal-knisja u indipendenti se jirritornaw lura għal ħajja skolastika wara ġimgħat sħaħ ta’ vaganzi tas-sajf. Oħrajn se jibdew l-esperkenza skolastika għall-ewwel darba f’ħajjithom.
Ħafna minn dawn l-istudenti se jsibu ambjent aħjar fl-iskejjel tagħhom wara li sarilhom xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fix-xhur tas-sajf.
Għalhekk, il-ġimgħat tal-vaganzi ma kienux żmien moħli. Matulhom mhux biss saret il-manutenzjoni li kienet meħtieġa f’diversi skejjel imma wkoll uħud minn dawn l-iskejjel kienu ċ-ċentru ta’ SkolaSajf li servew għal biex il-perijodu bejn il-vaganzi u dak skolastiku ma jkunx tedjanti.
Għal uħud mill-istudenti, l-ewwel jiem tas-sena skolastika, bħal dejjem, huwa żmien eċitanti. Dan dovut parti minnu għall-fatt li l-istudenti, minbarra li jitilgħu skaluna oħra tas-sellun skolastiku, jsibu ruħhom wiċċ imb’wiċċ ma esperjenzi u suġġetti ġodda.
U dan kollu fil-kuntest li, bla dubju, l-edukazzjoni hija meritatament iċ-ċavetta tal-iżvilupp tal-personalità u tal-mobilita soċjali. Dan il-Gvern, għax konxju tal-importanza tat-tixrid tal-għerf, kompla għaddej bl-investiment meħtieġ fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna.
U dan jixhduħ il-faċilitajiet kemm dawk eżistenti u anki oħrajn ġodda li jkunu introdotti matul din is-sena skolastika. Dan l-investiment minn dejjem kellu l-għan li jkompli jinkoraġġixxi l-istudenti jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt.
Pajjiżna għadda minn żmien fejn l-assenteiżmu u t-tluq mill-iskola qabel il-waqt kien wieħed allarmanti. B’xorti tajba issa, din ix-xejra donnha li bdiet tinqaleb u tjiebet f’dawn l-aħħar snin fejn l-għadd ta’ studenti li qed jibqgħu fuq il-bank tat-tagħlim qed jiżdied minn sena għal oħra.
Għalhekk intennu li l-iskejjel u l-edukazzjoni m’għandhomx ikunu riġidi fl-għanijiet tagħhom. Għal kuntrarju, għandhom ikunu pjattaforma fejn it-tagħlim u t-tixrid tal-għerf ikunu attivitajiet li jagħtu gost lill-istudent u jinkoraġġuħ biex jibqa għaddej fl-istudji tiegħu.
Wara kollox, l-edukazzjoni tista’ tkun pjaċevoli meta l-istudent iħossu li t-tagħlim hu marbut mal-ħajja reali tiegħu, u mhux iktar bħala proċess sempliċi ta’ memorizzazzjoni tal-informazzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-edukazzjoni ssir pjaċevoli wkoll meta l-istudenti jesperjenzaw il-ferħ li jiskopru xi ħaġa ġdida u jħossu li dak li qed jitgħallmu għandu valur f’ħajjithom.
