Is-sehem tal-familja jibqa’ importanti għad-deċiżjonijiet li nieħdu

… żieda f’dawk li jaħsbu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena

Aqra wkoll

Stħarriġ dwar l-Istat tan-Nazzjon

L-istħarriġ ta’ din is-sena dwar l-Istat tan-Nazzjon ta ħarsa lejn dak li jiddefinixxi l-poplu Malti u dak li jinfluwenzah sabiex jifforma l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu. Fost oħrajn, joħroġ b’mod ċar kemm is-sehem tal-familja huwa importanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, għad-deċiżjonijiet li nieħdu, kif ukoll għall-problemi li naffaċċjaw. Dan kollu nistgħu narawh b’mod konsistenti fuq numru ta’ snin. Barra minn hekk, il-ġustizzja tibqa’ wieħed mill-aktar valuri importanti għall-Maltin, u dan jidher b’mod ċar matul is-sitt snin tal-istħarriġ.

F’Konferenza Nazzjonali li ttellgħet nhar il-Ġimgħa li għadda taħt l-awspiċi tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prof. Vincent Marmarà ppreżenta r-riżultati li ħarġu minn dan l-istħarriġ li sar fost 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq, bil-kampjun inġabar bejn it-tielet ġimgħa ta’ Ġunju u t-tieni ġimgħa ta’ Lulju ta’ din is-sena. It-tema tal-konferenza kienet “Il-popolazzjoni u n-Nazzjon Malti sa 50 sena oħra.”

L-istħarriġ tal-Prof. Marmarà wera kif is-snin 2025 u 2026 huma l-aktar snin li n-nies qalu li jħossu li rnexxew f’ħajjithom (73.9% u 73.3%). Min-naħa l-oħra, din is-sena rajna tnaqqis ta’ 4.2% ta’ dawk li qalu li huma kuntenti b’ħajjithom (67.9%).

Tul dawn l-aħħar tliet snin ġiet osservata żieda f’dawk li qalu li jaħsbu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena. (39.1% – 2023 għal 52.3% – 2026). Din is-sena qed naraw żieda ta’ 5.3% f’dawk li qalu li jaħsbu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena.

Il-maġġoranza tan-nies jaħsbu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa.  Dawk li qalu li qed jiġu mħarsa żdied b’5.7% meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Tlieta minn kull erba’ persuni jgħidu li jqisu l-livell tal-għajxien tagħhom bħala wieħed medju, filwaqt li 17.1% jqisuh ogħla mill-medja u 6.8% jqisuh taħt il-medja.

Il-maġġoranza tan-nies qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ sena ilu (46.0%). Min-naħa l-oħra, 40.8% qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-aħjar, filwaqt li 13.2% qalu li marret għall-agħar. Interessanti li wieħed jinnota li, minn sena għal oħra, qed naraw żieda fost dawk li jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-aħjar. 

Dwar ir-reliġjon, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ qalu li huma jemmnu f’Alla (90.5%). Kienu biss 5.6% tan-nies li qalu li ma jemmnux f’Alla. Filwaqt li 3.9% tan-nies qalu li ma jafux.

Sadanittant, il-maġġoranza tal-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li huma ma jixtiqux li kieku twieldu f’pajjiż ieħor (76.7%). Kienu ftit aktar minn tmintax fil-mija tan-nies li qalu li huma jixtiequ li kieku twieldu f’pajjiż ieħor (18.4%). Filwaqt li 5.0% tan-nies qalu “ma nafx”.

L-aktar lingwa kkunsidrata bħala l-lingwa prinċipali tal-Maltin hija l-Malti (75.6%). Huma 2.3% tan-nies li wieġbu għal dan l-istħarriġ li qalu li l-Ingliż huwa l-lingwa primarja tagħhom.

F’sezzjoni oħra ta’ dan l-istħarriġ jintqal li kien qed jiġi nnutat tnaqqis f’dawk in-nies li qalu li l-politika hija importanti ħafna f’ħajjithom (48.3% fl-2021 vs 37.9% fl-2022 vs 37.4% fl-2023 vs 33.7% fl-2024 vs 30.8% fl-2025). Madanakollu, rajna żieda marġinali ta’ 1.4% fis-sena 2026. Barra minn hekk, din is-sena kien hemm tnaqqis f’dawk li qalu li ma tinteressahom xejn il-politika għal 26.2%. Dan jista’ jkun minħabba li għadna kif ħriġna minn Elezzjoni Ġenerali.

It-televiżjoni u l-links tal-portals tal-aħbarijiet fuq Facebook baqgħu l-aktar mezzi segwiti biex in-nies isegwu l-aħbarijiet. Qed ikun osservat ukoll tnaqqis konsistenti fil-perċentwal ta’ dawk li jsegwu l-portals tal-gazzetti onlajn. Min-naħa l-oħra, matul dawn l-aħħar tliet snin rajna żieda fost dawk li qalu li jsegwu l-aħbarijiet permezz tal-links tal-portals tal-aħbarijiet fuq Facebook.

Facebook jibqa’ popolari fost il-gruppi kollha tal-età, għalkemm l-użu jonqos mal-età. Instagram (98.0%) u TikTok (89.1%) huma partikolarment popolari fost dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena.

Aktar minn wieħed u sebgħin fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li huma l-aktar li jikkomunikaw mal-familjari huwa wiċċ imb wiċċ. 

Meta ġew mistoqsija kemm huma lesti li jafdaw persuna Maltija bħalhom (fejn 1 – Ma nafda lil ħadd, 5 – Nafda lil kulħadd), l-aktar risposta komuni kienet “3 – Newtrali”. Il-medja hija ta’ 2.98.

Dwar il-kultura Maltija, l-aktar importanti għan-nies huma l-festi tal-irħula u l-ibliet, kif ukoll l-ikel tradizzjonali Malti filwaqt li l-inqas importanti hu l-Karnival. 

L-istħarriġ wera wkoll li ftit aktar minn tmienja u ħamsin fil-mija tal-Maltin jaqblu li nġibu l-barranin għal ċerti xogħlijiet li ma jridux jagħmlu l-Maltin (53.2%). Ftit inqas min tmienja u tletin fil-mija ma jaqblux li nġibu l-barranin (37.8%) filwaqt li 8.9% wieġbu li ma jafux. 

Il-maġġoranza tan-nies qalu wkoll li r-rispett u l-valuri li tħaddan persuna qegħdin jiġu mgħallma l-aktar mill-familja (56.0%). Filwaqt li 38.5% tan-nies qalu li dawn qed jiġu mgħallma kemm mill-familja kif ukoll mill-iskola, kienu biss 5.6% tan-nies li qalu li l-valuri jiġu mgħallma mill-iskola biss.

Fl-istess stħarriġ jissemma’ kif numru ta’ pajjiżi, inkluż Malta, joffru diversi inċentivi biex koppji jkollhom it-tfal, jew iktar tfal. Il-parteċipanti f’dan l-istħarriġ ġew mistoqsija “Jekk int jew li kieku int f’pożizzjoni li jkollok it-tfal, dawn l-inċentivi jikkonvinċuk biex fil-fatt ikollok aktar tfal?”. Kienu sitta u tletin fil-mija (36.0%) li wieġbu iva. Filwaqt li 47.6% tan-nies qalu li le filwaqt li 16.4% tan-nies qalu li ma jafux. Dawk li għandhom bejn 36 u 45 sena huma l-inqas li jaqblu ma’ dawn l-inċentivi (61.7%).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport