Il-kostruzzjoni għandha sehem kruċjali fl-iżvilupp tal-pajjiż. Iżda l-progress, li jilħaq dan is-settur, għalkemm ma jista’ jwaqqfu ħadd, ma jistax jitkejjel biss bin-numru ta’ binjiet ġodda li jittellgħu. Għandu jiġi mkejjel ukoll mill-mod ta’ protezzjoni li tingħata lil dawk li jgħixu qrib is-siti fl-istadju ta’ kostruzzjoni.
Il-protezzjoni għandha l-iktar tkun viżibbli meta xogħlijiet li jkunu qed isiru jikkawżaw ħsarat u danni fuq proprjetajiet ta’ ħaddieħor. Il-piż finanzjarju ta’ dawn id-danni m’għandux jispiċċa fuq il-persuni affettwati, u lanqas m’għandhom idumu żmien twil f’kawżi fil-qrati biex jiġu kkumpensati b’mod xieraq u adegwat għall-ħsarat li jkunu ġarrbu. F’każijiet bħal dawn, l-assistenza finanzjarja tkun ta’ għajnuna kbira biex persuni affettwati jkunu jistgħu jsewwu l-ħsarat u b’hekk jerġgħu jiksbu s-serħan tal-moħħ.
Ġaladarba qegħdin nitkellmu fuq dan is-suġġett, ma nistgħux ma nagħmlux parentesi għas-servizz il-ġdid li tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa u li huwa intiż li jassisti lil dawk l-individwi li jġarrbu ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jkunu qed isiru maġenbhom.
Fil-fatt, dan is-servizz ġdid ta’ assistenza finanzjarja, li se jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Novembru li ġej, se joffri protezzjoni aktar b’saħħitha u tanġibbli lil persuni li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba attività ta’ kostruzzjoni. B’din il-miżura qiegħda titwettaq ukoll wegħda elettorali oħra fil-manifest Laburista tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
B’dan l-aħħar żvilupp, fejn qabel il-vittma kellha taġixxi hi sabiex tikrupra d-danni, issa se jkollna sistema li se tkun kapaċi taġixxi għall-vittma. Għalhekk dan il-qafas ġdid se jittrasforma garanzija passiva f’waħda attiva li tista’ tintervjeni direttament favur persuni milquta.
Kif spjega tajjeb il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, din l-inizjattiva tifforma parti minn riforma usa’ tas-settur tal-kostruzzjoni, li matul dawn l-aħħar snin wasslet għat-twaqqif u t-tisħiħ tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ liċenzjar għall-operaturi, il-ħidma fuq il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-iżvilupp tal-iSkills Card u servizzi ġodda ta’ assistenza għaċ-ċittadini.
Dan kollu juri li dan is-settur ma jistax jibqa’ jitqies biss mil-lat ta’ żvilupp, iżda dejjem għandu jimxi id f’id mar-responsabbiltà u l-protezzjoni tal-komunità. Kull riforma li tassisti lil dawk li jistgħu jintlaqtu minn dan ix-xogħol għandha titqies bħala pass ’il quddiem lejn settur tal-kostruzzjoni aktar responsabbli, organizzat u aktar qrib il-ħtiġijiet tan-nies.




