Dr Deo Debattista jqatta’ ġurnata jaħdem qrib l-anzjani u l-ħaddiema f’San Vinċenz de Paule

Inizjattiva bħala parti mill-kampanja “100 jum bis-saħħa tiegħek”

Aqra wkoll

Bħala parti mill-kampanja “100 jum bis-saħħa tiegħek”, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Dr Deo Debattista, qatta’ ġurnata f’San Vinċenz de Paule fejn ħadem direttament flimkien mal-professjonisti u l-ħaddiema li ta’ kuljum jagħtu servizz u kura lill-anzjani.

Din l-inizjattiva kellha l-għan li turi minn perspettiva differenti r-realtà ta’ kuljum tas-settur tal-kura tal-anzjani, bil-ħidma tas-Segretarju Parlamentari tinbidel għal ġurnata waħda minn dik fl-uffiċċju għal esperjenza diretta fuq il-post.

Matul din il-ġurnata, Dr Debattista ħa sehem b’mod dirett f’diversi ħidmiet ta’ kuljum, filwaqt li ħadem spalla ma’ spalla mal-professjonisti u l-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paule. L-esperjenza tatu wkoll l-opportunità li jqatta’ aktar ħin mar-residenti u jara mill-qrib il-ħidma, id-dedikazzjoni u l-impenn meħtieġa biex tingħata kura ta’ kwalità lill-anzjani.

Bħala tabib, Dr Debattista kellu wkoll l-opportunità li jerġa’ jkun qrib il-ħidma klinika, din id-darba fil-kuntest tar-responsabbiltà tiegħu għall-Anzjanità Attiva.

“Din kienet esperjenza li tatni l-opportunità mhux biss li nara, iżda li nkun parti mill-ħidma li ssir ta’ kuljum mal-anzjani tagħna. Wara kull servizz u kull politika hemm persuna, u warajha hemm ukoll ħaddiema u professjonisti li jagħtu l-ħin, l-enerġija u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex joffru l-aqwa kura possibbli,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Dr Debattista sostna li esperjenzi bħal dawn isaħħu l-importanza li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’għarfien dirett tar-realtajiet li jiltaqgħu magħhom kemm l-anzjani kif ukoll il-ħaddiema fis-settur.

“L-Anzjanità Attiva tfisser li nkomplu npoġġu lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Irridu nibqgħu nkunu qrib l-anzjani tagħna, nisimgħuhom u nifhmu l-bżonnijiet tagħhom, filwaqt li nkomplu nappoġġjaw lill-ħaddiema li kuljum jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom,” temm jgħid Dr Debattista.

L-inizjattiva tifforma parti mill-kampanja marbuta mal-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura, li permezz tagħha qed tingħata ħarsa aktar mill-qrib lejn il-ħidma f’oqsma differenti tal-Gvern u lejn is-servizzi li jingħataw ta’ kuljum lill-pubbliku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport