Kantanta Amerikana, songwriter u rnexxielha tirbaħ għal tliet darbiet il-battalja kontra l-kanċer. Bianca Muñiz tinsab Malta għall-ewwel darba hekk kif se tkun fost l-artisti li se jagħtu sehemhom fl-avveniment Show Your Face – Uri Wiċċek fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, illum il-Ħamis 24 ta’ Settembru.
Għal Bianca, din mhux se tkun sempliċiment wirja mużikali. Meta titla’ fuq il-palk tkun qed iġġorr magħha storja personali qawwija, storja ta’ tliet dijanjosi ta’ kanċer, trattamenti, biża’ u sfidi, iżda fuq kollox storja ta’ persuna determinata li tibqa’ tgħix u tagħmel dak li tħobb.
Fl-ewwel żjara tagħha f’Malta, Bianca ma ħbietx l-entużjażmu tagħha għall-opportunità li tiltaqa’ mal-pubbliku Malti u twassal il-mużika u l-messaġġ tagħha. Aħna ħadna din l-okkażjoni sabiex nieħdu l-kummenti proprju mingħandha.
“Hija l-ewwel darba tiegħi f’Malta u ninsab verament eċitata. Qed inħares ’il quddiem ħafna għall-kunċert tal-Ħamis, biex inkanta, niltaqa’ man-nies u nkun nista’ naqsam magħhom mhux biss il-mużika iżda wkoll l-istorja u l-messaġġ tiegħi.”
Muñiz hija kantanta, kittieba tal-mużika u kelliema Amerikana li studjat f’The New School for Jazz & Contemporary Music. Il-mużika tagħha tittratta temi bħall-identità, it-trasformazzjoni, it-telf, it-tama u l-ħajja wara esperjenzi diffiċli. Iżda wara l-artista hemm storja li bdiet ħafna qabel ma setgħet timmaġina fejn kienet se twassalha l-karriera tagħha.
Kif għedna, Bianca issuperat tliet darbiet il-kanċer. L-ewwel djanjosi waslet meta kellha biss 11-il sena, meta kellha kanċer fl-ovarji. Ta’ 22 sena nstab li kellha l-kanċer tas-sider u f’dak il-perjodu saret taf ukoll li għandha mutazzjoni fil-ġene TP53. Aktar tard, ta’ 26 sena, kellha t-tielet dijanjosi, din id-darba ta’ kanċer fil-pulmun. Hija tbati bil-Li-Fraumeni Syndrome, kundizzjoni ġenetika rari li żżid ir-riskju li persuna tiżviluppa ċerti tipi ta’ kanċer.
Tliet esperjenzi li inevitabbilment biddlu l-mod kif tħares lejn il-ħajja.
“Li ngħaddi mill-kanċer tliet darbiet bidlitli l-perspettiva tiegħi kompletament. Illum l-għan tiegħi huwa li ngħix il-ħajja kemm jista’ jkun, li nieħu kemm nista’ minn kull ġurnata u li nagħmel l-affarijiet li verament inħobb nagħmel.”
Huwa proprju dan l-istil ta’ ħajja li jidher li sar wieħed mill-pilastri kif tgħix. Meta tkun għaddejt minn esperjenzi fejn saħħtek u l-futur tiegħek jiġu f’dubju, tgħid Bianca, ħafna mill-affarijiet li normalment jinkwetawna jibdew jidhru differenti.
“Ħafna affarijiet li naħsbu li huma importanti, fl-aħħar mill-aħħar ma tantx ikunu importanti. Meta tgħaddi minn esperjenzi bħal dawn tibda tifhem aħjar x’għandu valur għalik.”
Il-mużika kienet preżenti matul dan il-vjaġġ kollu. Saħansitra waqt trattamenti preċedenti, Bianca kompliet tkanta, tirrepeti u tibbukkja wirjiet. F’kitba personali tagħha waqt il-kimoterapija fl-2017, hija kienet spjegat li ma riditx tħalli l-kanċer iwaqqafha milli tkompli tgħix ħajjitha.
Ma jfissirx li kollox kien faċli. Bianca tkellmet pubblikament ukoll dwar il-konsegwenzi emozzjonali tal-kanċer u kif il-mużika serviet bħala mezz biex tesprimi dak li kienet għaddejja minnu. Għaliha, il-kitba u l-kant saru mhux biss karriera, iżda wkoll spazju fejn setgħet tipproċessa l-esperjenzi tagħha.
Illum hija tuża dik l-esperjenza biex tipprova tagħti kuraġġ lil oħrajn.
“Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta’ tama. Tħalli xejn iwaqqfek milli tgħix. Lanqas il-kanċer. Ibqa’ għix. Ibqa’ agħmel dak li tħobb u pprova ħu kemm tista’ mill-ħajja.”
Dan il-messaġġ se jkun partikolarment adattat għall-avveniment tal-Ħamis fil-Belt Valletta. Show Your Face – Uri Wiċċek, organizzata mill-Cancer Research and Innovation Hub Malta, se tlaqqa’ flimkien mużika, riċerka, persuni li għaddew mill-kanċer, familji, professjonisti u organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam.
L-avveniment jibda fis-6.00 p.m. fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul huwa b’xejn. Minbarra Bianca, se jieħdu sehem Jon & Jo minn S Club, flimkien ma’ diversi artisti Maltin fosthom Destiny, Kurt Calleja, Sarah Bonnici, Lisa Gauci, Justine Shorfid, Kyle George u Dawn. Owen Leuellen u Maxine Pace se jippreżentaw ukoll il-kanzunetta oriġinali Tama, miktuba apposta għall-kampanja, filwaqt li Tenishia se jagħlaq is-serata.
Wieħed mill-aktar mumenti simboliċi tas-serata mistenni jkun it-tentattiv biex jinħoloq rekord nazzjonali permezz ta’ human cancer awareness ribbon, magħmul mill-persuni preżenti fil-pjazza. L-għan huwa li jinħoloq simbolu ħaj ta’ solidarjetà ma’ dawk milquta mill-kanċer u ta’ appoġġ lejn ir-riċerka.
Għal Bianca, din mhix l-ewwel darba li qed twassal l-istorja tagħha fuq pjattaformi internazzjonali importanti. Fl-2024 kienet il-kelliema waqt avveniment tal-International Atomic Energy Agency fi Vjenna bit-tema Raising Rays of Hope for Cancer Care for All.
Hija tat ukoll wirjiet f’Madison Square Garden u f’avvenimenti sportivi fl-Istati Uniti, fosthom fl-intervall tat-Tampa Bay Buccaneers.
Iżda ikun kemm ikun kbir il-palk, il-messaġġ jibqa’ wieħed profondament personali.
Wara tliet konfronti mal-kanċer, Bianca ma tippreżentax l-esperjenza tagħha bħala storja fejn il-biża’ sparixxiet jew fejn kollox sar faċli. Minflok, titkellem dwar għażla kontinwa li tgħix, toħloq, tkanta u tagħmel spazju kemm għad-diffikultajiet kif ukoll għall-ferħ.
Il-Ħamis, proprju dak il-messaġġ se jasal fi Pjazza San Ġorġ.
“Nixtieq li n-nies jibqgħu bit-tama. Irrispettivament minn dak li tkun għaddej minnu, tħallihx iwaqqfek milli tgħix. Il-ħajja qiegħda hawn biex ngħixuha.”
Għal Bianca Muñiz, dawn mhumiex sempliċiment kliem ta’ inkoraġġiment. Huma prinċipju li fuqu għażlet li tibni ħajjitha.
U fl-ewwel żjara tagħha f’Malta, se tkun qed taqsam dak il-prinċipju mal-pubbliku Malti permezz tal-istorja tagħha, tal-vuċi tagħha u, fuq kollox, permezz tal-mużika.
